Konsumatur
L-Għaqda tal-Konsumaturi tikkritika miżata li jridu jħallsu klijenti tal-HSBC

L-Għaqda tal-Konsumaturi kkritikat deċiżjoni tal-HSBC li tiġbor miżata mill-klijenti tagħha li ma jiddepożitawx ċertu ammonti ta’ flus, u qalet li din hija waħda minn sensiela ta’ azzjonijiet biex l-użu tal-banek mill-konsumaturi jibda jsir bil-ħlas.

Fi stqarrija l-għaqda qalet li fl-aħħar jiem, ħafna konsumaturi li għandhom kont mal-HSBC irċevew nota mingħand il-bank li jekk huma ma jiiddepożitawx €2,300, jew €1,250 għal dawk ‘il fuq minn 61 sena, fil-kont kurrenti jew il-kont ‘savings’ kull tliet xhur, jew inkella jaqgħu taħt xi kategoriji oħra kif speċifikati mill-Bank, ser jibdew jeħlu €5 kull xahar.

L-għaqda żiedet tgħid li l-interessi li l-banek jagħtu lill-konsumaturi saru redikoli, filwaqt li l-banek qed jużaw il-flus tal-konsumaturi biex isellfu u jdaħħlu interessi ħafna aktar għolja minn dak li jagħtu lid-depożitanti.

“Fi ftit ta’ żmien ieħor wieħed ma jeskludix li niġu f’sitwazzjoni fejn barra dan ser ikollok tħallas tal-użu tal-banek, u l-banek, barra l-flus li jdaħħlu mill-interessi meta jisilfu, ser idaħħlu wkoll fi bwiethom ‘charges’ talli ma ddepożitajtx aktar,” qalet l-Għaqda tal-Konsumatur.

Saħqet li l-impatt tal-miżura tal-HSBC ser ikun fuq dawk li għandhom dħul jew pensjoni baxxa, kif ukoll dawk il-konsumaturi li d-dħul tagħhom jidħol dirett f’xi account ta’ bank ieħor.

Żiedet li din il-miżura ser tħajjar banek oħra biex jieħdu miżuri bħal din biex ikabbru l-profitti tagħhom.

L-għaqda kkritikat ukoll il-fatt li l-konsumaturi mhux qed jingħataw informazzjoni mill-MFSA dwar iċ-charges u l-interessi li joffru l-banek u għalhekk hu diffiċli li l-konsumatur juża bank li jagħtih l-aktar interessi u jżommlu l-anqas charges, b’konsegwenza li tonqos il-kompetizzjoni bejn il-banek.

Ara hawn ir-reazzjoni tal-bank:

L-HSBC jiċċara li dawk bi dħul baxx mhux se jintlaqtu mit-tariffa l-ġdida