L-għaqdiet ambjentali se jingħataw għajnuna finanzjarja

Fond ta’ €50,000 se jkun iddedikat għal skema sabiex tingħata għajnuna finanzjarja lill-NGOs ambjentali. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Josè Herrera. Din l-inizjattiva kienet tifforma parti mill-aħħar manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Il-fond huwa mmirat għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u volontarji li jaħdmu b’risq il-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-ambjent. L-iskop huwa li l-Gvern jirrikonixxi dan ix-xogħol siewi filwaqt li jinċentiva lill-istess għaqdiet biex jieħdu inizjattivi ġodda.

L-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħin sal-aħħar tax-xahar id-dieħel, u jistgħu jinkisbu minn hawn: http://environment.gov.mt/en/Document%20Repository/Environment%20NGO%20Fund%20-%20Application%20Form%20Final.pdf

Il-Ministru qal li ma jeskludix il-possibilità li dan il-fond jiżdied jekk l-iskema tirnexxi.