Lokali
L-Għaqdiet ta’ Min iħaddem u unions tal-ħaddiema jisħqu li hemm bżonn riforma fit-tribunal industrijali

L-Għaqdiet ta’ Min iħaddem u unions tal-ħaddiema jaqblu li hemm bżonn riforma fit-tribunal industrijali li ilu mwaqqaf mill-1975. F’konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, MEA, ġiet diskussa l-bżonn ta’ din ir-riforma u t-triq ‘il quddiem.

F’konferenza bit-tema, Ir-riforma fit-Tribunal Industrijali, għaliex hija meħtieġa?, l-imsieħba soċjali fil-qasam tax-xogħol ressqu l-proposti tagħhom dwar ir-riforma biex it-tribunal industrijali jaħdem b’iżjed b’effiċjenza.

Il-UĦM u s-CMTU jaqblu li dan it-tribunal għandu jitmexxa minn maġistrat u mhux minn chairman maħtur mill-Ministru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella qal “aħna naraw li jkun hemm maġistrat full time fuq tribunal industrijali li għandu x’jaqam mad-dinja tax-xogħol, dinja tax-xogħol li tipproduċi u tagħti lil dal-pajjiż ammont ta’ 11-il biljun fis-sena, jiġifieri tajjeb li jkollna xi ħaġa magħmula professjonali u serja.”

Il-President tas-CMTU Dr Martin Balzan qal “aħna jidhrilna li l-ħaddiema jixirqilhom smigħ xieraq u li jkun effiċjenti, li jingħata f’qasir żmien. Biex ikun hemm smigħ xieraq importanti li jkun jew maġistrat jew xi ħadd legali li qed jaqtagħha, imbagħad ħalli juża esperti fil-qasam tat-tradejunjoniżmu jew fil-qasam tal-kuntratti.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, saħaq li fit-tribunal industrijali ghandu jibqa jkun hemm rappreżentanza ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem. “Ma nixtiqux li l-format tiegħu jinbidel totali li ma jkunx hemm rappreżentanza ta’ ħaddiema u ta’ employers għax ir-relazzjoni fil-postijiet tax-xogħol hija naqra iktar differenti mill-punt tal-liġi. Fid-dinja tax-xogħol għandek l-aspett uman li iktar xi kultant jieħu over.”

Id-Direttur Ġenerali tal-Assocjazzjoni ta’ min iħaddem, Joe Farrugia, qal li wasal iż-żmien għar-riforma fit-tribunal.

Joe Farrugia qal “aħna qed nipproponu li t-tribunal dejjem ikun kompost minn chairman li jkun avukat ta’ ċertu esperjenza mgħejjun minn rappreżentanti ta’ min iħaddem u rappreżentanti tal-ħaddiema.”

Fil-konferenza organizzata mill-MEA, ħadu sehem esperti mir-relazzjonijiet industrijali u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar