L-Għaqdiet taż-żgħażagħ iridu li l-politiċi jitħallsu iktar

Il-Politika hija fattur ċentrali fil-kultura ta’ pajjiżna. Is-sehem taż-żgħażagħ qiegħed dejjem jingħata iktar importanza, raġuni għalfejn iż-żewġ partiti ewlenin jaħdmu qatigħ biex jattiraw iktar żgħażagħ lejn il-politika. ‘Popolin’ iddiskuta kemm hu vallapena li tidħol fix-xena politika f’pajjiżna.

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġew mistiedna Joseph Grech, President ta’ MZPN, Liam Axisa, President tal-Kunsill Nazzjonali  taż-Żgħażagħ u Georvin Bugeja, President ta’ FZL.  Ilkoll qablu li għandha ssir diskussjoni olistika rigward il-pagi li jirċievu l-politiċi f’pajjiżna. Waqt il-programm ġie spjegat li diversi kapijiet ta’ entitajiet governattivi jirċievu paga ħafna ikbar minn dik tal-Prim Ministru u l-President. Axisa tenna li għandha jiġu kunsidrat wkoll l-ammont ta’ rappreżentanti fi ħdan il-leġislatura, li meta wieħed janalizza l-ammont per capita Malta għandha l-ikbar numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament fost il-pajjiżi kollha fl-Ewropa. Għalhekk qabel tittieħed deċiżjoni fuq xi żieda fil-pagi, hemm diversi fatturi kruċjali oħra li għandhom jiġu diskussi.

“Hija ċara li ż-żgħażagħ iridu li tiġi riveduta s-sistema tas-salarji fil-qasam politiku. Ma jistax ikollok persuna b’karriera full time u wara tiddedika wkoll ħin part time bħala decision maker. Jekk irridu liż-żgħażagħ jaspiraw li jidħlu fix-xena politika għandu jkun hemm pakkett tas-salarju adegwat għar-responsabbiltà u x-xogħol li jkunu se jagħmlu, biss din id-diskussjoni trid tkun waħda olistika li tirristruttura bi sħiħ il-leġislatura Maltija” tenna Axisa.