Lokali
L-għaqdiet volontarji se jerġgħu jgawdu minn allokazzjoni ta’ €900,000

L-għaqdiet volontarji se jerġgħu jgawdu minn allokazzjoni ta’ €900,000 bħala parti mill-iskema ta’ assistenza għall-għaqdiet volontarji matul ix-xhur tal-pandemija.

Minn din l-iskema, ibbenefikaw 140 għaqda volontarja. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari, Clifton Grima, qal li b’hekk f’sena l-Gvern se jkun investa €5 miljun fis-settur tal-volontarjat.

Dr Grima spjega li dan l-investiment jikkumplimenta l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat li kien jammonta iktar €4 miljuni u li qal salva ‘l fuq minn 900 impjieg.

Iċ-Chairman tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, Noel Camilleri, qal li l-fondi huma sostenn għas-settur sabiex jibqa’ għaddej anki waqt il-pandemija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li waqt il-pandemija s-settur tal-volontarjat baqa’ għaddej speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ sapport fis-soċjetà.

Fil-preżent hemm iktar minn 2,100 għaqda rreġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.