Pulizija
L-għassa l-ġdida tal-Pulizija f’Wied il-Għajn se tkun attrezzata bl-aħħar teknoloġija

L-għassa tal-Pulizija li qed tinbena f’Wied il-Għajn hi l-ewwel waħda fi kważi erbgħin sena li qed tinbena apposta biex isservi bħala għassa. L-għassa qed tinbena fil-qalba tal-lokalità, ħdejn l-iskola primarja.

F’waħda mill-iżjed lokalitajiet importanti fin-nofsinhar ta’ Malta: Wied il-Għajn, l-għassa tal-Pulizija tinsab fi struttura temporanja sakemm jitlesta l-bini ta’ għassa ġdida li x-xogħol fuqha miexi ġmielu. Fi żjara lix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li għalih il-korp qed jinvesti miljun Ewro, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-għassa l-ġdida se tkun attrezzata bl-aħħar teknoloġija u bi spazju li jservi wkoll għall-Pulizija tal-Komunità.

”Il-korp irid jipprovdi post tax-xogħol aħjar għall-impjegati tiegħu u għandna numru ta’ għasses li fil-verita’ qatt ma nbnew biex ikunu għases tal-pulizija u allura dawn joffru diversi sfidi speċjalment fid-dinja avvanzata tal-lum u din l-għassa hija waħda minn ftit għases, fil-fatt l-aħħar waħda li inbniet biex tkun għassa tal-pulizija kienet dik tal-Qawra fit-tmeninijiet, u allura illum din l-għassa se tkun qed taqdi funzjoni biex effettivament tkun għassa tal-pulizija.”

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, aċċenna li s-sigurtà hija prijorità għall-gvern u din is-sena l-investiment kapitali fis-sigurtà tal-pajjiż huwa sitt darbiet iżjed minn disa’ snin ilu. Fakkar li l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-korp imendija f’Settembru tisħaq fuq it-tisħiħ tal-preżenza tal-Pulizija fil-komunità, qrib in-nies u mhux ġewwa fl-għassa.

“L-għassa se tkun hawn preżenti, ma jfissirx li se tkun hawnhekk biex l-pulizija joqgħodu ġewwa imma l-għan tagħna hu li l-pulizija ikunu iżjed on the beat, ikunu iżjed fuq patrol madwar it-toroq Maltin u Għawdxin sabiex ikunu preżenti mal-komunita’ u jikkomunikaw mal-komunità, ikunu jistgħu jipprevjenu u anki jassistu lil komunita’ meta jkun hemm bżonn.”

Il-Ministru Camilleri qal li din is-sena se jibda xogħol ta’ tisbiħ u titjib ta’ żewġ għases distrettwali: tal-Ħamrun u l-Imsida, filwaqt li s-servizz tal-pulizija tal-komunità se jiġi estiż f’lokalitajiet oħra.