Għawdex
L-Għawdxin qegħdin jistennew turiżmu aħjar f’Awwissu

In-negozji u l-istabbilimenti Għawdxin qegħdin jistennew li t-turiżmu f’Għawdex fix-xahar ta’ Awwissu jkun aħjar minn dak tas-sena li għaddiet.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex qal li s-servizz tal-Fast Ferry qiegħed iżid in-numru ta’ Maltin li jitilgħu filgħaxija biex imorru jieklu fir-restoranti Għawdxin.

Għawdex mistenni jkun mimli attività f’Awwissu li ġej b’Maltin u turisti li se jqattgħu l-btajjel tagħhom fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet fl-eqqel tas-Sajf meta f’sena normali jkun qed jintlaħaq il-qofol tal-istaġun turistiku.

Operaturi turistiċi qalu lil TVM li l-prenotazzjonijiet fil-lukandi din is-sena huma għola minn dawk ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet, f’sena li kienet milquta mill-pandemija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu Joe Muscat qal li din iż-żieda hija dovuta ghal diversi fatturi hekk kif aktar Maltin u barranin qegħdin jagħżlu li jqattgħu l-btajjel tagħhom fil-gżira Għawdxija.

“Hija ċirkostanza li qiegħda tinbidel kontinwament fejn inti għandek ‘bookings’ ta’ barranin li deħlin u dawn ikunu deħlin skont iċ-ċirkustanza li jkunu qegħdin jinbidlu kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżhom. Ikollok kanċellamenti minħabba r-restrizzjonijiet imposti fosthom dik tat-tfal u allura hemmhekk qiegħed ikollok dan iċ-ċaqliq, u dan iċ-ċaqliq imbagħad iċaqlaq settur ieħor dak li huwa s-suq domestiku u allura mbagħad hemmhekk jidħol dan il-vojt jintela’ bis-suq domestiku. Imma qegħdin nistennew li Awwissu jkun xahar tajjeb fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom”.

Muscat żied jgħid li minbarra t-turisti li joqgħodu fil-lukandi, is-settur turistiku Għawdxi qiegħed jibbenefika mill-kummerċ tal-Maltin li għandhom it-tieni residenza f’Għawdex, anki permezz tal-użu tal-vawċers tal-Gvern.

Fil-każ tal-Maltin li għandhom ir-residenza tagħhom Għawdex, dawn qegħdin iħallu impatt tagħhom fuq diversi servizzi li relatati fosthom l-‘outlets’ tar-‘retail’, li ħafna minnhom jiffrekwentaw biex jagħmlu l-ikliet u l-ħarġiet tagħhom fl-‘outlets’, kif ukoll imbagħad ir-restoranti li ħafna minnhom ikunu għal vaganza hawnhekk u allura flok joqgħodu jippreparaw jagħzlu li jmorru fir-ristoranti.

Iż-żieda tas-servizz tal-Fast Ferry tidher li qiegħda tħalli impatt ukoll hekk kif iktar Maltin u turisti qed imorru għal żjarat qosra f’Għawdex fosthom għal ikliet fir-restoranti.

“Jien naħseb li hemm mix tajba kemm Maltin kif ukoll turisti imma anke l-Għawdxin. Il-Fast Ferry żgur li se jgħin għas-suq domestiku b’mod ‘two way’, ‘rather’ milli l-Maltin biss li jużaw il-Fast Ferry qegħdin ninnuttaw ukoll li qegħdin ikunu l-Għawdxin li jkunu qegħdin jaqsmu lejn in-naħa l-oħra speċjalment lejn il-Belt Valletta biex huma wkoll jagħmlu l-break tagħhom fil-belt kapitali”.

Waqt li b’dawn iż-żidiet is-settur turistiku Għawdxi għadu ma laħaqx l-ammont ta’ turisti li kien qattgħu il-vakanzi tagħhom f’Awwisu tal-2019, Muscat qal li dawn iż-żidiet jawguraw tajjeb għal-istaġun turistiku ta’ din is-sena.