COVID-19
L-Għawdxin se jirċievu ittra biex jingħataw it-tilqima f’Għawdex stess

Is-Supretendent tas-Saħħa Publika Charmaine Gauci qalet li t-tilqim lill-Għawdxin se jingħata f’Għawdex stess. Dan ifisser li dawk li rċevew stedina biex jinżlu għat-tilqima Malta għandhom jinjorawha, għax se jirċievu ittra oħra biex jingħataw it-tilqima f’Għawdex.

Se jkunu qed jitlaqqmu wkoll ġenituri ta’ tfal vulnerabbli ta’ taħt is-16-il sena, għal raġuni li l-istess tfal m’għandhomx età biżżejjed biex jiġu mlaqqma.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Prof Gauci qalet li f’Għawdex qed jinfetħu ċentri kemm jista’ jkun biex isir it-tilqim, fejn hemm arranġamenti wkoll mal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u qed isir tilqim ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol tal-frontliners.

Il-proċess ta’ tilqim għaddej għal anzjani ta’ bejn 80 u 84 sena fil-bereġ kif ukoll il-front liners li ma jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, waqt li hemm pjan biex jibdew jitlaqqmu l-ħaddiema oħra li huma essenzjali. Bħalissa qed jitlaqqmu wkoll persuni meqjusa vulnerabbli.
Prof Gauci qalet li qed jintlaħqu 2,000 tilqima kuljum, ammont deskritt bħala wieħed tajjeb ħafna.

B’kollox sal-bieraħ ingħataw 59,702 ,tilqima, li 19,199 minnhom kienu jikkostitwixxu t-tieni doża.

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM, Prog Gauci qalet li l-awtoritajiet Maltin qed jirrakkomandaw li f’dan l-istadju, dawk li jkunu mlaqqma u jiġu f’kuntatt ma’ persuni bil-Covid-19 għandhom joqgħodu kwarantina xorta waħda. L-istess min diġà ħa l-Covid, huwa mħeġġeġ li xorta waħda jieħu t-tilqima.

Dwar il-varjant, Prof Gauci qalet li l-kumpaniji tat-tilqim qed jaddattaw it-tilqim tagħhom biex dan jibqa’ effettiv anki kontra l-varjanti tal-virus.

Ara wkoll:

154 każ ġdid ta’ Covid-19 – 148 oħra mfejqa