Partit Laburista
“L-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej mhix bejn l-aħmar u l-blu, imma dik bejn li tmur lura jew li tmur ‘il quddiem” – PM

F’Mass rally il-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej mhix bejn l-aħmar u l-blu, imma dik bejn li tmur lura jew li tmur ‘il quddiem.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Gvern Laburista telaq mill-bogħod imma wasal fil-bogħod, li beda minn poplu li kien qed jaqta’ qalbu, poplu li kien beda jaħseb li l-aħjar żminijiet tiegħu kienu diġà għaddew. Qal iżda li dan il-moviment qabad l-ispirtu u l-valuri li dejjem sawru lill-poplu Malti, dawk tal-ġustizzja soċjali, mobbiltà soċjali, għaqda nazzjonali, li dan il-pajjiż ma jistax jikkuntenta li jkun pajjiż ieħor imma li kapaċi jkun l-aqwa fl-Ewropa. Dr Muscat qal li minkejja li kien hemm min iddieħaq bil-ħolma ta’ dan il-moviment, dan il-moviment irnexxielu jikber u beda jippjana l-futur. Qal li dan il-moviment qal le għal kontijiet bilfors għolja, jew bilfors li wieħed jittallab għal post tax-xogħol, jew żieda fil-pensjonijiet u xogħol għal persuni b’diżabilità, u issa l-poplu li ta l-fiduċja, din il-ħolma qed isseħħ.

Dr Muscat qal li kieku ma kinitx iż-żieda tal-pensjonijiet tal-Partit Laburista, eluf kienu jispiċċaw foqra u jittalbu, u dan il-Gvern għamilhom nies kif jixraq. Qal li l-Gvern Nazzjonalista ma ċaqlaqx il-pensjonijiet u ħallihom iffriżati bil-konsegwenza li l-ulied spiċċaw f’sitwazzjoni li jkollhom jgħinu lill-ġenituri anzjani tagħhom. Qal li agħar minn hekk Gvern Nazzjonalista mhux talli ma żiedx il-pensjoni talli għakkas lill-anzjani b’kontijiet tad-dawl li faqqru eluf ta’ anzjani f’pajjiżna.

Għaż-żgħażagħ Dr Muscat qal li dan il-moviment ħoloq ix-xogħol, b’garanzija li huma se jsibu xogħol ġo pajjiżna u mhux lilhom biss, li jekk nibqgħu f’dan ir-ritmu, anki t-tfal taż-żgħażagħ tagħna se jkollhom ix-xogħol. Dr Muscat irringrazzja s-sentiment ta’ mħabba li ra f’dawn il-jiem meta konna affaċċjati bit-traġedja ta’ qtil ta’ raġel li nqatel għax sempliċiment kien iswed. Dr Muscat qal li l-poplu kollu kemm hu jirrifjuta li dan il-Gvern faqa’ Malta bil-barranin, u jgħidilhom li Malta nfaqgħet mhux bil-barranin imma bix-xogħol.

Saħaq li l-lingwa tal-mibegħda ma twassal għal imkien, u fakkar fil-ġrajja tal-Assedju l-Kbir fil-Birgu, bil-Maltin kienu spalla ma’ spalla ma’ barranin oħra minn kull ġens Ewropew u flimkien affaċċjaw l-isfidi, b’ġens li jrid ikun rajh f’idejh.

Dr Muscat qal li għal nhar is-Sibt li ġej, dan il-Gvern għandu bżonn l-enerġija, u li kull ma hu miktub fil-manifest elettorali, se jseħħ. Fakkar li t-trakka tal-motorsport se ssir ukoll, u li dak li ġie mwiegħed lill-kaċċaturi u nassaba se jseħħ ukoll. Appella l-bżonn li s-Sibt li ġej kulħadd jivvota kmieni u lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista u li l-għażla tas-Sibt hi bejnu bejn Adrian Delia biex jitwassal il-messaġġ li Malta qiegħda f’qalbna.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar