X

L-għażżiela fiż-Żebbuġ – ilqugħ mis-sajjetti u devozzjoni lejn il-Madonna

L-għażżiela fiż-Żebbuġ Għawdex hija aktar minn folklor u tradizzjoni; hija wkoll devozzjoni lejn il-Madonna, li n-nies jemmnu tħarishom minn kull għawġ, b’mod partikolari mis-sajjetti. B’għeruq li jmorru lura mat-300 sena, il-komunità Żebbuġija għadha sal-lum tingħaqad biex taħdem l-għażżiela bl-ittra “M” ta’ isem il-Madonna fin-nofs.

Fiż-Żebbuġ m’hemmx dar fejn m’hemmx għażżiela mdendla mat-twieqi jew wara l-bieb ta’ barra bħala protezzjoni mis-sajjetti, li jolqtu sew dan ir-raħal żgħir fl-ogħla parti tal-gżira Għawdxija.

Mhux magħruf meta bdiet eżatt din it-tradizzjoni, imma jingħad li tmur lura mat-300 sena, fi żmien l-ewwel Kappillan taż-Żebbuġ Dun Franġisk Vella, li kien ħalla legat biex f’din il-lokalità tibqa’ ssir il-festa tal-Madonna tal-Għażżiela, u hekk għadu jsir sal-lum.

Din is-sena l-komunità Żebbuġija, mit-tfal sal-anzjani, ħadmu bl-għagina mas-sitt elef għażżiela. Użaw 100 kilo ta’ dqiq, ilma u ħafna melħ. “Min jiftaħ, min jaqta’ bil-forma, min ineħħi l-ħażin tagħha, u ħafna xogħol. Wara li ssir rridu nerġgħu nfarfruha mis-smid,” tispjega Maria Cini.

L-għażżiela – bis-simbolu tal-ittra “M” ta’ isem Marija fin-nofs – hija interzjata sew fil-ħajja tal-komunità taż-Żebbuġ, tant li anke triq hemm imsemmija għaliha u hemm il-forma tagħha fin-nofs tal-pjazza.

Iż-Żebbuġin tassew jemmnu li b’dan is-simbolu, il-Madonna tħarishom mid-diżgrazzji li jistgħu jseħħu fil-maltemp.

“Salvatu lit-tifel, jiġifieri hawnhekk kien qed jagħmel il-pizza, hemmhekk ġol-forn. Kienu hu u l-mara u żewġ ħaddiema, jiġifieri, u żewġ klijenti, u ma baqgħu jaraw xejn, qisha sparat, u daħna kull m’hawn u t-telefon inkiser, it-television inħaraq u l-irħama tal-forn inkisret, u huma Alla jbierek ma ġralhom xejn,” tirrakkonta Giovanna Saliba.

“Għandi r-rakkont ta’ ħija jien. Daħlitilhom is-sajjetta bil-lejl u l-ġirien marru jaraw għadhomx ħajjin. Tajritilhom kantun mil-loġġa. Hemmhekk ħabtet ġo dik il-loġġa u ma ġralhom xejn,” tgħid min-naħa tagħha Gerita Cini.

Fl-eqreb Ħadd għat-12 ta’ Settembru, il-festa liturġika tal-Isem ta’ Marija, fiż-Żebbuġ issir il-festa tal-Madonna tal-Għażżiela. Dakinhar titbierek l-għażżiela u titqassam lill-parruċċani.

“Iżommuha mhux bħala lucky charm imma n-nies iżommuha hekk b’sens ta’ devozzjoni, b’sens ta’ protezzjoni min-naħa tal-Madonna, li hija s-sultana tal-familji tagħna biex tipproteġina lilna u d-djar tagħna minn kull periklu,” fisser Dun Reuben Micallef, eks Arċipriet taż-Żebbuġ.

Il-leġġenda li welldet din it-tradizzjoni tgħid li f’lejl ta’ maltemp, familja fqira li kienet tgħix f’dar imwarrba fit-tarf tar-raħal kellha ħolma li fiha dehru sriep tan-nar qed jippruvaw jidħlu minn ġot-tieqa. Dawn baqgħu ma daħlux għax fil-kamra kien hemm rota tixgħel u tgħammex bid-dija.

Skont il-leġġenda, meta l-omm irrakkontat din il-ħolma lill-kappillan, huwa talab lil kull membru tal-familja biex permezz ta’ biċċa għaġina jifforma r-rota li raw fil-ħolma. B’hekk ħarġet l-għażżiela.