L-Għid il-Kbir – Int kif normalment tiċċelebraħ?

F’dinja mingħajr il-pandemija, bħal-llum kont tara t-toroq ta’ diversi lokalitajiet maħnuqa bil-familji li kollettivament kienu joħolqu sens ta’ hena, għaqda u ferħ. Id-daqq tal-qniepen, il-figolli, l-ġenn u l-istorbju kienu kollha parti essenzjali minn dan il-jum. Ma jistgħux jonqsu l-bajd tal-Għid f’idejn it-tfal.

Il-Kottonera tibqa magħrufa għal-festa sħiħa li kienet tiġi organizzata bħal-llum. Ħafna jikkunsidrawha bħala l-qalb minn fejn nibtu ħafna mit-tradizzjonijiet marbuta mal-festa tal-Għid il-Kbir. Diversi Maltin u turisti kienu jinġabru ħerqana biex isegwu l-ġirjiet bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt. Illum il-ġurnata din it-tradizzjoni evolviet f’diversi lokalitajiet. L-istatwi tal-Irxoxt ivarjaw bejniethom f’dik li hi l-ikonografija. Wħud minnhom għandhom biss il-figura ta’ Kristu rebbieħ, filwaqt li oħrajn jinkludu wkoll personaġġi oħra bħal xi suldati Rumani.

Interessanti nkunu nafu li qabel il-Gwerra, dawn il-ġirjiet kienu ġew imwaqqfa. Iżda ftit wara l-Knisja għalqet għajnejha u aċċettat li jerġgħu jibdew isiru. Il-purċissjonijiet tal-Irxoxt żdiedu sew matul l-aħħar ħamsin sena, iżda l-għeruq tagħhom imur lura għal żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta. Jingħad li l-eqdem purċissjoni li kien hawn m’għadhiex issir. Kienet toħroġ mingħand il-Franġiskani ta’ Triq ir-Reppublika.

Int kif kont tiċċelebra l-Għid minn sena għal oħra?