Lokali
L-HSBC bi qligħ ta’ aktar minn €11m inqas mis-sena ta’ qabel

Il-Bank HSBC Malta ħabbar li matul is-sena li għaddiet għamel qligħ ta’ 36 miljun u ħames mitt elf ewro qabel it-taxxa u spejjeż oħra, tnaqqis ta’ 19-il miljun ewro meta mqabbel mal-2017.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Andrew Beane qal li s-sena l-oħra kienet waħda diffiċli għas-settur tas-servizzi finanzjarji lokali li fi kliemu ġie affettwat minn ħsara fir-reputazzjoni. Qal li jinsab ottimist li wara r-riformi fit-trażżin tar-riskji, minn din is-sena l-bank jirritorna għat-tkabbir.

Fl-2018 HSBC Malta għamel qligħ aġġustat ta’ 36 miljun ewro u nofs wara li tnaqqas spejjeż fost oħrajn għal ftehim kollettiv għall-ħaddiema għal ħames snin li ġejjin. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 34% jew 19-il miljun meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Waqt li ppreżenta r-riżultati finanzjarji, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane ta rendikont tar-raġunijiet għal dan it-tnaqqis fosthom iż-żieda fl-ispejjeż biex ikunu konformi mar-regoli Ewropej, rati tal-imgħax baxxi ħafna u impatt negattiv mir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji lokali riżultat tal-operat fi tliet banek partikolari. Qal li hu importanti li l-imsieħba kollha fis-suq jiżguraw li l-istandards kontra l-ħasil ta’ flus jitwettqu mingħajr dewmien ħalli jkunu evitati riskji sinifikanti għall-ġejjieni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC qal li bħala bank għadu kif lesta l-ħidma fuq l-istrateġija biex jitneħħew ir-riskji u l-ewwel riżultati din is-sena huma pożittivi ħafna.

“We’ve been through a period of change and now we’re looking forward to a new phase which focused on measured growth so we’re pleased that our new accounts for customers are up 40% so far this year which is really encouraging, mortgages up by around 10% and we’re now focused on putting our commercial division into a growth phase.”

Andrew Beane qal li l-Bank jilqa’ l-aħbar li l-MFSA se ssaħħaħ is-superviżjoni fl-industrija. Qal li qed ikun rakkomandat dividend lill-azzjonisti ta’ 2.6 ċentezmi netti għal kull sehem lill-azzjonisti. Qal li bħala parti mir-rekwiżiti ġodda tal-Bank Ċentrali Ewropew, HSBC u l-banek l-oħrajn se jkollhom bżonn iżommu kapital addizzjonali.

Dwar is-sejħa tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji biex il-bank ineħħi t-tariffi annwali lill-għaqdiet mhux governattivi li għandhom kontijiet mal-HSBC, is-Sur Beane qal li l-għaqdiet li huma purament filantropiċi bħal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u persuni fil-bżonn huma eżenti minn dawn it-tariffi fuq il-kontijiet tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lill-Gvern li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu, u li qed itellef lil pajjiż mill-fibra morali, tant li fi kliemu sar pajjiż li fih xi ħadd…

Politika

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li issa huwa ż-żmien biex ikun hemm diskussjoni serja dwar l-integrazzjoni biex kulħadd iħossu ugwali. Dr Muscat qal li dan huwa…

Kultura

Festival ta’ films kontemporanji Taljani se jkun organizzat bejn għada u l-Ħadd li ġej mill-Istitut Taljan tal-Kultura b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u l-Programm għall-Istudji tal-Film tal-Università ta’ Malta. Cinema Italia…

Saħħa

Il-kumpanija tal-Gvern Malta Air Travel ippubblikat sejħa għall-proposti biex jinstab operatur għas-servizz tal-ajru bejn Għawdex u Malta. Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex intqal li l-ħelikopter…

Aktar