Ekonomija u Finanzi
L-HSBC Malta bi qligħ ta’ ftit inqas minn €10.5 miljun is-sena l-oħra

Il-bank HSBC Malta s-sena l-oħra irreġistra qligħ qabel it-taxxa ta’ ftit inqas minn €10.5 miljun – tnaqqis ta’ 66 fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel; l-2019.

Fir-rapport finanzjarju tiegħu għas-sena 2020, l-HSBC qal li l-Covid-19 kellu impatt fuq il-prestazzjoni tal-bank, bit-telf fuq is-sena ta’ qabel kien ta’ ftit iktar minn €20 miljun. Is-self nett lill-klijenti żdied bi ftit iktar minn €7 miljun biex laħaq it-€3,265 miljun.

Id-dħul mill-miżata netta naqas b’€1.8 miljun meta mqabbel mal-2019 minħabba tnaqqis fl-attività kawża tal-Covid-19 fuq il-karti ta’ kreditu, il-pagamenti, l-assigurazzjoni u l-faċilitajiet ta’ kreditu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Simon Vaughan Johnson, qal li r-rendiment finanzjarju tal-bank fl-2020 kien prinċipalment milqut mill-Covid-19.

Huwa qal lil-pandemija ħolqot sfidi sinifikanti għall-klijenti personali u kummerċjali tal-bank. Qal li s-sena 2020 kienet waħda ta’ sfida unika, li fissret li l-bank kellu jaddatta malajr għall-modi ġodda ta’ xogħol u prattiċi innovattivi biex ilaħħaq mal-aspettattivi tal-klijenti.