Ekonomija u Finanzi
L-HSBC Malta b’żieda fil-qligħ ta’ €15.6 miljun – jgħid li l-lista l-griża mhux se tolqot wisq lill-bank

Matul l-ewwel sitt xhur tas-sena l-Bank HSBC f’Malta ra żieda fil-qligħ qabel it-taxxa ta’ 864 fil-mija fuq is-sena li għaddiet, bl-ishma żdiedu fil-prezz b’mod sostanzjali. Madanakollu l-bank qal li se jimxi b’kawtela u mhux ser ikun qiegħed jipproproni dividend għall-azzjonisti għal dan il-perjodu.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Simon Vaughan Johnson tkellem ukoll dwar il-lista l-griża tal-FATF.

L-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kienu sodisfaċenti għall-HSBC f’Malta, hekk kif irreġistra qligħ ta’ 17-il miljun ewro u nofs, żieda ta’ 15-il miljun u sitt mitt elf ewro fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Il-bank attribwixxa din iż-żieda għat-titjib fis-swieq, minkejja li n-negozji f’Malta għadhom qegħdin jirkupraw mid-daqqa tal-pandemija.

Il-prestazzjoni tan-negozju tal-bank intlaqtet ħażin minn rati t’imgħaxx baxxi u negattivi. Kien hemm inqas talbiet għal self kummerċjali. U l-klienti tal-bank użaw inqas il-karti ta’ kreditu u ssellfu anqas flus. Bejn Jannar u Ġunju, l-HSBC irreġistra tnaqqis ta’ kważi 9 miljun Ewro (8.9m Ewro (-0.3%)) fis-self.

Matul l-istess perjodu, il-Maltin b’kontijiet mal-HSBC ġemmgħu aktar. Id-depożiti mal-bank żdiedu b’€56.6 miljun.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’Malta Simon Vaughan Johnson qal li tpoġġija ta’ Malta fuq il-lista l-griża mill-FATF mhux ser ikollha impatt sinifkanti fuq l-operat tal-bank, u li l-bank ser jagħmel l-almu tiegħu biex jgħin biex Malta ma tibqax f’din il-klassifika.

“I think the key thing that we all work collectively as stake holders and with key interests in Malta’s future and continued success, to get off the grey list as soon as possible so we will absolutely do our very best on our part to help to achieve that as soon as possible, but the longer that takes, the increased risks that one might see in confidence and so on.”

Sadanittant il-qligħ wara t-taxxa ta’ €11.4 miljun fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena wassal biex l-azzjonisti kellhom dħul ta’ 3.2 ċenteżmi għal kull sehem, li jfisser żieda ta’ kważi 3 (2.9) ċenteżmi fuq l-istess perjodu fl-2020.

Is-Sur Vaughan Johnson żied jgħid li matul l-istess perjodu l-ispejjeż għall-operat tal-bank żdiedu b’miljun u mitt elf ewro, filwaqt li qal l-bank qiegħed ikompli bl-iskemi ta’ rtirar kmieni għall-impjegati bħala parti mill-istrateġija tal-bank li jkun aktar effiċjenti fl-operat tiegħu.

Il-Bank qal li ser ikun qiegħed jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-kawtela fir-rigward tad-dividends u għalhekk mhux ser ikun qiegħed jipproproni dividend għall-azzjonisti għal dan il-perjodu.