Xandir
L-IĠM jikkritika ċensura mill-Awtorità tax-Xandir fuq il-PBS

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkritika ċ-ċensura li qal ġiet imposta fuq l-istazzjon nazzjonali, li ma setax ixandar il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-bieraħ mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u mis-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci.

F’Ġunju li għadda l-Awtorità tax-Xandir iddeċidiet li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kellhom jiġu ċċensurati, wara li sar ilment mill-Partit Nazzjonalista fuq konferenza simili, fejn intqal li xi mistoqsijiet tal-ġurnalisti kienu partiġġjani u qanqlu tweġibiet ta’ natura politika.

L-IĠM qal li fl-ebda stat demokratiku ma hija aċċettabbli din it-tip ta’ ċensura, li ġabet lill-PBS qisu stazzjon statali simili għal dak f’reġimi totalitarji, u għalhekk qed titlob laqgħa biex is-sitwazzjoni tiġi ratifika.

Intant fi stqarrijiet separati, il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech u l-għaqda Repubblika ukoll talbu għar-revoka ta-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir.