Lokali
L-IĠM jikkundanna ittra b’theddid li ntbagħtet lil ġurnalista

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum.

Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’ theddid fid-dar privata tagħha.

Iktar kmieni llum il-ġurnalista ta’ ONE, Nicole Buttigieg, ippubblikat fuq il-midja soċjali ittra miktuba bl-idejn, li kien fiha kliem oxxen u ta’ theddid.

L-IĠM esprima solidarjetà mal-ġurnalista u qal li l-ebda forma ta’ theddid u intimidazzjoni fuq membri tal-korp ġurnalistiku ma jiġi ttollerat.

Fakkar li dan il-każ isegwi sensiela ta’ inċidenti fl-aħħar jiem, fejn ġurnalisti kienu mhedda, intimidati, imbuttati u ssuttati.

L-istitut sejjaħ biex il-korp tal-Pulizija joffri l-protezzjoni meħtieġa lejn il-ġurnalisti u jinvestiga dawn il-każi.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi b’riħ qawwi. Ir-riħ mix-Xlokk ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. It-twissija tibqa’ valida sad-9pm.

Politika

Id-Deputat Anton Refalo se jieħu f’idejh id-dekasteru li kellu l-Ministru Camilleri; dak tal-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u Protezzjoni tal-Konsumaturi. Dan wara r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal-Għawdex, liema…

Kultura

Tlesta proġett ta’ restawr tal-pittura tas-saqaf fil-Kappella dedikata lill-konversjoni ta’ San Pawl fil-Wied ta’ Birkirkara. Din kienet saret mill-artist Ġużeppi Briffa waqt li r-restawr sar mill-kumpanija Atelier Del Restauro. Ir-restawr…

Aktar