Settur Marittimu
L-ikbar vapur tal-kontejners li jaħdem bil-gass jagħmel l-ewwel waqfa f’Malta

L-ikbar vapur tal-ġarr tal-kontejners fid-dinja li jaħdem b’LNG għamel l-ewwel waqfa tiegħu f’Malta u l-Ewropa b’tagħbija rekord ta’ kważi 21,000 kontejner.

Il-vapur ‘CMA CGM JACQUES SAADE’ hu itwal mit-torri Eiffel u s-sidien tiegħu jemmnu li se jkun pijunier fil-bidla ekoloġika li l-industrija tat-tbaħħir u l-ġarr tal-merkanzija trid tgħaddi minnha biex tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

B’tul ta’ 400 metru, jiġifieri iktar minn erba’ grounds tal-futbol fejn xulxin u wiesgħa 61 metru, il-vapur ‘CMA CGM Jacques Saadè’ hu ġgant tal-baħar li kapaċi jġorr 23,000 kontejner ta’ 20 pied ‘il wieħed.

Dan hu l-akbar vapur tal-ġarr tal-kontejners fid-dinja li jaħdem bil-Liquified Natural Gas, li sa issa hu kkunsidrat bħala l-inqas fuel li jniġġes, tant li mqabbel ma’ vapuri li jaħdmu bid-diesel, il-partiċelli fl-arja huma 99% inqas, waqt li l-emissjonijiet tas-CO2 fl-atmosfera jonqsu sa massimu ta’ 20%.

Inbena f’tarzna fiċ-Ċina wara aktar minn seba’ snin ta’ riċerka, u fl-ewwel vjaġġ mill-Asja għall-Ewropa, waqaf f’Malta b’tagħbija rekord ta’ 20,723 container mimlija prodotti u materjal.

Il-vapur ġie varat xahar ilu u din hi l-ewwel waqfa li qed jagħmel fl-Ewropa, dan hu vapur li li kif qalilna l-kaptan, huwa l-ewwel pass lejn il-futur. “This is the first step to the future, the aim of this vessel is to make the world shorter,” qal il-Kaptan Delran Emmanuel.

Fid-dawl tal-isfidi ambjentali kbar li qed taffaċċja d-dinja u l-ħtieġa tat-trażżin tal-impatt fuq il-klima, is-sidien tas-CMA CGM jemmnu li dan il-vapur u tmienja oħra bħalu li qed jinbnew fiċ-Ċina se jkunu l-pijunieri f’industrija tat-tbaħħir u l-ġarr tal-merkanzija aktar ekoloġika.

Il-Viċi-President Eżekuttiv ta’ CMA CGM responsabbli mill-portijiet, Nicolas Sartini, qal li b’dan l-iżvilupp innovattiv, il-grupp Franċiż tat-tbaħħir u l-loġistika qed juri biċ-ċar li hu interessat ikompli jinvesti f’Malta u juża prattiċi li jħarsu l-ambjent. “Jacques Saade decided to use Malta as the hub for CMA CGM in the Mediterranean & we’re really happy to welcome CMA CGM Jacques Saade for the first European call.”

Is-Sur Sartini qal li fl-aħħar 16-il sena, il-grupp CMA CGM investa madwar €350 miljun f’Malta, fosthom f’faċilitajiet moderni biex il-Port Ħieles ikun jista’ jaħdem fuq vapuri ġganteski ta’ dan it-tip.