Saħħa
L-ikel jaffettwa mhux biss is-saħħa fiżika imma anke l-burdata

L-ansjetà u s-sistema diġestiva jaf imorru id f’id. Tal-ewwel taffettwa lit-tieni.

Dieta ħażina mhux biss taffettwa s-saħħa imma jkollha effett negattiv fuq is-saħħa mentali tal-bniedem.

L-imsaren … magħruf ukoll bħala l-apparat diġestiv. Ftit jgħaddilna minn rasna kemm huwa organu estensiv li jibda mill-ħalq, l-istonku, l-imsaren u s-sistema nervuża tiegħu stess b’kontroll lokali sħiħ.

Ftit jafu li l-moħħ jimxi id f’id mal-imsaren u l-importanza ta’ dak li d-dinja tal-mediċina ssejjaħ ‘Gut Health’ għax dan jista’ jirriżulta f’ansjetà u dipressjoni.

L-ansjetà, li ħafna drabi hija reazzjoni komuni fil-bniedem, ħafna drabi tmiss lis-sistema diġestiva, kif qaltilna Danica Cassar, prattikanta tal-psikoloġija tas-saħħa.

Hija qalet li kuljum tiltaqa’ ma’ pazjenti li jbatu mill-anzjetà iżda ma jkunux jafu mnejn ġejja u kif qed taffettwahom.

“Ċertu emozzjonijiet nistgħu nħossuhom fl-istonku jiġifieri aħna l-istonku nikklassifikawh bħala t-tieni moħħ tagħna … jiġifieri hemm komunikazzjoni bejn l-istonku u bejn il-moħħ … jiġifieri dak li qed tiekol jista’ jaffettwa bħala saħħa mentali. Bħal, per eżempju, f’dan l-istonku jeżistu ċertu bacteria li hija tajba mhux kif is-soltu nisimgħu dwarha … li l-bacteria hija ħażina. Li tgħinna u tipprotegina mis-saħħa mentali … bħal, per eżempju, tipjip eċċessiv u alkoħol, ikel b’zokkor eċċessiv jista’ jnaqqas din il-bacteria fl-istonku u din il-bacteria qegħda biex tipproteġina milli nħossuna aktar anzjużi, aktar imdejqin u stressjati”.

Danica Cassar qalet l-ġisem tal-bniedem għandu bżonn il-bilanċ f’dak li jiekol għaliex dan iwassal għal saħħa fiżika u mentali tajba.

Il-Professur Godfrey Grech, lekċerer u ricerkatur fid-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Universita ta’ Malta, tkellem ma’ Television Malta u qal li dieta ħażina mhux biss taffettwa s-saħħa imma jkollha effett negattiv fuq is-saħħa mentali tal-bniedem.

“L-ikel huwa l-fjuwil tagħna però l-magna tagħna hija l-gut … issa l-gut, li tibda mill-pajp imbagħad l-istonku mbaghad l-intestini, il-funzjoni tagħha hija li tipproduċi dawn il-molekoli li ħafna minnhom huma neurotransmitters jiġifieri compounds li hu importanti biex jattivaw in-neurons … neorons huma ic-central nervous system li huwa l-moħħ, l-spinal cord … jiġifieri huma compounds li jittrigerjaw il-mood tal persuna”.

Dieta tradizzjonali tal-Punent mhix diversa ħafna u hija rikka fix-xaħam u z-zokkor.

Studji urew li d-dieti ta’ nies minn reġjuni rurali tal-Afrika u l-Amerika t’Isfel huma ħafna aktar ta’ benefiċċju milli ta’ nies minn żoni urbani fl-Ewropa jew l-Istati Uniti u dan għaliex jikkonsistu f’inqas ikel ipproċessat u jinkludu aktar ħxejjex u frott.