L-Ikliet tal-Milied fid-djar se jsiru bħas-soltu?

Is-Sena 2020, kienet sena dominata mill-inċertezza li ġabet magħha l-Pandemija COVID19. B’referenza għal dan ‘Popolin’ stħarreġ x’inhuma l-intenzjonijiet tal-Maltin għal dawn iż-żminijiet ta’ festi. Beħsiebhom josservaw ir-regoli imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa?

Stħarriġ xjentifiku mħejji minn ‘Popolin’ u kummissjonat minn Dr. Vincent Marmara wera li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin, preċiżament 85% ser jagħmlu ikla tal-Milied mal-familjari li jgħixu fl-istess dar. Ftit iktar minn 14% tal-Maltin, ser jagħmlu ikla fejn mhux biss il-familjari li jgħixu fl-istess dar ser jattendu, 2.6% qalu li ser ikollhom ikla tal-Milied ma’ sħabhom filwaqt li 5.6% tennew li ser iqattgħu l-ħin tal-ikla tal-Milied, waħedhom.

Mistoqsija jekk hux se jattendu għal xi attivitajiet oħra fi żmien il-Milied, 85.7% qalu li mhux ser jattendu, filwaqt li 10.3% qalli li iva se jattendu għal xi attivitajiet. L-ikbar faxxa ta’ nies li qalu li iva ser joħorġu għal xi tip ta’ attività partikolari kienet dik ta’ bejn is-26 u l-35 sena.

Fi snin li għaddew, f’dawn iż-żminijiet konna naraw il-Belt Kapitali u lokalitajiet oħra magħrufa għall-kummerċ mimlija bin-nies, min biex jixtri xi rigali jew bżonnijiet marbuta ma’ dawn il-festi u oħrajn biex igawdu l-ambjent ferrieħi li jġib miegħu dan iż-żmien. Sfortunatament, din is-sena l-ambjent fil-Belt Valletta huwa wieħed totalment differenti, dan għaliex kemm il-kummerċ kif ukoll l-attivitajiet ġew milquta sostanzjalment. Fil-fatt l-istatistika turi li id-drive-throughs li qed jiġu organizzati ntlaqgħu tajjeb mill-Maltin għaliex iktar minn 70% qalu li ser jattendu għal din it-tip ta’ attività. Minn naħa l-oħra 12% qalu li ser jattendu attivitajiet fil-knejjes filwaqt li 9% ser imorru għal attivitajiet organizzati fil-Belt Kapitali.