Barranin
L-iktar ġurnata sħuna f’79 sena

Filwaqt li n-naħa ta’ fuq tad-dinja bosta huma l-pajjiżi li qed iġarrbu rekord ta’ temperaturi kesħin li niżlu sew taħt iż-żero, fuq ix-xaqliba l-oħra tad-dinja hemm min qed jegħreq fis-sħana.  Bħalma huwa l-każ tal-belt Awstraljana ta’ Sydney li qed iġġarrab l-iktar temperaturi sħan f’79 sena.  Dan hekk kif it-temperatura telgħat saħansitra sa 47.3 grad celsius.

Il-mewġa tas-sħana qawwija u n-nixfa li qed jaħkmu lil Sydney wasslu biex qanqlu biża’ li jistgħu jikkawżaw nirien, tant li tpoġġew bosta twissijiet madwar il-belt bi prekawzjoni.  It-temperaturi tal-Ħadd qed jitqiesu bħala rekord u li l-aħħar li ż-żona nħakmet minn dan it-temp estrem kien fl-1939.

Temp estrem minħabba l-bidla fil-klima

Dan it-temp wassal biex sfrattat il-kompetizzjoni internazzjonali tat-tennis, b’xi plejers ma jifilħux jilagħbu fis-sħana u jabbandunaw il-partita, fosthom Kristina Mladenovic.  Fi tweet hija qalet li minkejja li t-temperatura tkejjel it-43 grad celsius, madanakollu tinħass daqs li kieku hija 50 grad celsius u skużat ruħha li għall-ewwel darba fil-karriera kellha tieqaf nofs triq.

L-Awstralja mhux l-ewwel darba li kellha tiffaċċja temp sħun ħafna fis-sajf, tant li bejn Diċembru tal-2016 u Frar tas-sena li għaddiet rat iktar minn 200 rekord ta’ temperaturi li wasslu għal nirien, mewġiet ta’ sħana u għargħar matul l-istaġun.  Esperti wissew li ż-żieda fit-temperaturi tal-art u tal-baħar qed ikunu affettwati mill-bidla fil-klima li qed twassal għal kundizzjonijiet ta’ temp estrem.