Politika
L-iktar kabinett żagħżugħ, femminili u Għawdxi fl-istorja – Il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-pajjiż għandu l-iktar kabinett żagħżugħ, femminili u Għawdxi fl-istorja.

F’attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru sejjaħ il-Kabinett il-ġdid bħala wieħed ta’ stoffa li jagħmel lill-poplu kburi li hu Malti. Qal li fejn kien hemm bżonn bidliet, ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa anke fejn dawn weġġgħu u wiegħed li hekk se jibqa’ jagħmel ladarba d-deċiżjonijiet ikunu għall-aħjar tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru  qal li għall-ewwel darba l-Kabinett fih tliet Ministri Għawdxin u tliet Ministri nisa. Dr Abela qal li l-poplu jaf fejn qiegħed mal-Gvern, li qal se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet mingħajr biża’ fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Dr Abela qal li l-Gvern għamel il-bidliet meħtieġa, anke jekk id-deċiżjonijiet kienu jweġġgħu. Irrimarka li f’nofs pandemija l-Gvern iddeċieda li jibgħat €11-il miljun f’ċekkijiet għan-nies li sofrew l-inġustizzji fil-passat minkejja li l-Gvern ma kellu l-ebda obbligu legali li jagħmel hekk. Qal li dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni qabel l-2013 meta l-poplu kellu żewġ affarijiet bi dritt: kontijiet għoljin u aktar taxxi.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern impenjat li jkabbar l-ekonomija mingħajr ma jdaħħal taxxi ġodda. Irrimarka li għall-ħames xahar konsekuttiv il-qgħad kompla jonqos. Dr Abela qal li mindu f’Ġunju tnieda l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika b’investiment ta’ €900 miljun, 8 persuni kuljum reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Prim Ministru rrefera għall-istat li qegħdin fih pajjiżi barranin bil-pandemija fosthom bi ħwienet magħluqin u toroq vojta. Irrimarka li f’Malta, għalkemm b’għadd ta’ restrizzjonijiet, il-poplu qed jgħix f’normalità. Dr Abela qal li meta tasal it-tilqima kontra l-Covid-19, il-pajjiż se jkun f’pożizzjoni vantaġġjuża biex l-ekonomija tibda tirpilja.

Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru qal li s-sitwazzjoni qed tkun ikkontrollata u l-isptarijiet qed ilaħħqu mad-domanda medika tal-pajjiż. Wera ruħu sodisfatt li t-tfal qed ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom waqt il-pandemija. Appella għal sens ta’ responsabbiltà biex il-vulnerabbli jkunu ssalvagwardjati.

Dr Abela qal li l-Gvern mhuwiex perfett u rrikonoxxa li kien hemm affarijiet li setgħu saru aħjar. Wera l-fehma li n-nies se jiġġudikaw fuq kif il-Gvern żamm bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies filwaqt li l-Oppożizzjoni għamlet elezzjoni interna meta qal li f’Marzu talbet biex il-pajjiż imur f’lockdown.

Dr Abela feraħ lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li qal qed jagħmel il-ġid kemm f’Malta kif ukoll barra bil-ħidma li se jkun qed jagħmel wara l-ħatra tiegħu bħala espert minn fost grupp ta’ persuni li se jagħtu pariri lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Fl-aħħar diskors bħala Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna qal li jħossu kburi li l-ħolma li kellu 12-il sena ilu nkisbet. Il-Professur Scicluna qal li se jirtira b’moħħu mistrieħ għax qal li Clyde Caruana hu persuna denja fil-kariga ta’ Ministru għall-Finanzi.