Divertiment
L-iktar pupi popolari fil-preżent ġejjin Malta

L-iktar pupi popolari li hawn bħalissa, l-L.O.L. Surprise Dolls, se jkunu f’Malta f’April li ġej.

Dan biex jagħtu spettaklu ta’ kant, żfin u dawl mhux biss għat-tfal iżda għall-familja kollha fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali.

Visit Malta u l-kumpanija Ingliża Carter Entertainment qed jikkolaboraw flimkien biex dan l-ispettaklu jittella’ f’Malta għall-ewwel darba bil-għan li tintlaħaq niċċa ġdida fl-attrazzjonijiet ta’ pajjiżna.

Ninsabu hawnhekk ġewwa Londra, propju quddiem il-Wembley Arena, fejn minn hawn u ftit ħin ieħor se nkunu qed insegwu waħda mil-live shows li qed jagħmlu l-L.O.L Surprise Dolls. Bħalissa hawn ħafna nies deħlin, familji bit-tfal, żgħażagħ u anke ċelebritajiet … iltqajna ma’ Alesha Dixon, Fearne Cotton u jidher illi hawn eċitament kbir.

Ferħ, qbiż u għajjat imlew l-arena tal-Wembley mill-mument li l-L.O.L. Surprise Dolls ħarġu fuq il-palk sa ma temmew is-show tagħhom – show b’messaġġ pożittiv dwar kif is-sbuħija mhijiex xi ħaġa li titqiegħed f’keffa waħda u li l-iktar ħaġa importanti hija kif wieħed iħossu minn ġewwa.

Bart Doerfler, il-kittieb, direttur u korjografu ta’ din is-show, qal li moħbi taħt il-kant, iż-żfin u l-gost kollu li toffri, xtaq idaħħal element edukattiv ta’ inklussivita.

“I wanted a concert for the entire family. This is the child’s first time to come in, party with Mum and Dad, have a great time with Mum and Dad, get up and dance and feel the freedom to do so. And so I incorporated that idea so that it’s a show for the whole family, it’s not just for kids and then we added another level to the magic by working with holograms”.

Dan it-tour, li bħalissa qiegħed idur madwar l-Ingilterra, ġej ukoll f’Malta biex anke l-familji Maltin ikunu jistgħu jgawdu minn dan is-show spettakolari.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu, Ronald Mizzi, qal li permezz ta’ kollaborazzonijiet bħal dawn, Malta qed tkompli tpoġġi isem Malta fil-quċċata ta’ assoċjazzjonijiet kbar, bir-riżultat li tkompli tattira t-turiżmu familjari lejn pajjiżna.

“Is-shows kollha li qed isiru fl-Ingilterra bħalissa qed ikunu kollha ibbrandjati bil-Visit Malta partnership. Dan qed jagħtina tliet opportunitajiet kbar, fosthom element qawwi ta’ marketing bil-Visit Malta, brand associationn b’saħħitha, nafu li l-marketing ikun b’saħħtu ħafna meta wieħed jippartnerja ma’ brands b’saħħithom u l-L.O.L hija brand b’saħħitha ħafna u fosthom it-tielet element huwa dan is-show se nġibuh f’Malta wkoll u propju ħa nkunu qed nidħlu f’niċċa li hija pjuttost daqsxejn nieqsa f’pajjiżna – il-family entertainment”.

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li avvenimenti bħal dawn ikomplu jixprunaw is-settur turistiku f’pajjiżna u jagħmlu lil Malta destinazzjoni sigura għall-familja kollha.

“Il-fatt li ser ikollna lil Visit Malta bħala l-official destination partner ta’ L.O.L Surprise, li hija waħda mill-ikbar brands fid-dinja fejn jidħol spettaklu għall-familji u tfal, huwa turija ċara ta’ kemm verament dan il-pajjiż qiegħed jiffoka fuq il-kwalita fis-settur turistiku u li rridu li dan ikun l-ordni tal-ġurnata”.

B’kollox se jittellgħu 24 rappreżentazzjoni fl-MFCC f’Ta’ Qali fl-ewwel ġimagħtejn ta’ April tas-sena d-dieħla. Huwa stmat li se jattiraw udjenza li tista’ taqbeż il-100,000 ruħ.