Ikel
L-Imam jappella biex annimali fil-biċċerija jinqatlu bis-sistema Musulmana

F’diversi nħawi ta’ Malta, fetħu ħwienet ta’ sidien Għarab li jbigħu laħam halal u li prinċipalment jaqdu klijentela Musulmana, li f’Malta saret tgħodd diversi eluf. Television Malta stħarreġ dwar l-użanzi Musulmani fil-qtil tal-annimali għal-laħam halal, li għal uħud jitqiesu bħala kattivi u krudili.

L-Imam Mohammed El Sadi qed jitlob biex fil-Biċċerija jkun possibbli li l-annimali jinqatlu wkoll bis-sistem Musulmana.

Il-qtil tal-annimali bit-tradizzjoni Musulmana sar kwistjoni kontroversjali fid-dinja tal-Punent minħabba li huwa kkunsidrat li huwa krudili mal-annimali. Il-Belġju għadu kif ipprojbixxa l-qtil tal-annimali bis-sistema Musulmana.

L-Imam Mohammed El Sadi, waqt li ddefenda t-tradizzjoni Musulmana spjega li biex il-laħam ikun halal, l-annimal irid jinqatel b’metodu partikolari. “Qabel ma noqtlu l-annimal, għandu jkollna sikkina taqta’, l-annimal m’għandux jara dik is-sikkina u m’għandux jinqatel quddiem annimal ieħor. Imbagħad aħna noqtlu dak l-annimal f’isem Alla. Bismillah allahu akbar. F’isem Alla l-ħanin kollu ħniena, allahu akbar.”

L-Imam qal li meta l-annimali jinqatlu fil-Biċċerija tal-Marsa, jridu bilfors jintilfu minn sensihom bi stun-gun. “Il-liġi Ewropea timponi l-annimali kollha, mhux l-annimali li joqtlu l-Musulmani biss, kollha jiġu stunned qabel ma jinqatlu. Dik ma taqbilx mat-tradizzjoni Musulmana.”

L-Imam el Sadi jsostni li t-tradizzjoni Musulmana tal-biċċiera għandha skop iġeniku u għas-saħħa tal-bniedem. “Naqtgħu l-gerżuma ta’ annimal u l-vini mal-għonq biex id-demm joħroġ kollu għax id-demm hu ħażin għas-saħħa. Fih ħafna mikrobi u germs li jikkaġunaw il-mard. Għalhekk, hu importanti u dak hu s-sinifikat iġeniku tal-halal, illi joħroġ id-demm kollu mill-annimal biex ma jibqax mal-laħam.”

Ix-xewqa tal-Imam hi li dan il-metodu jkun permess mingħajr l-użu ta’ stun-gun. “Aħna tkellimna mal-awtoritajiet biex jagħtuna permess jew eċċezzjoni biex dawk l-annimali li aħna rridu noqtluhom ma jiġux stunned u nispera xi ġurnata naslu għal din l-eċċezzjonijiet.”

Staqsejt lill-Imam jekk jaħsibx li l-metodu tal-qtil skont il-liġi Musulmana huwiex dinjituż u kattiv għall-annimali. “Meta inti tħanxar il-gerżuma tal-annimal u jinqatgħu l-vini u d-demm ma jasalx għall-moħħ. Jinqatel mingħajr uġigħ. Ma jbatix l-annimal.”

Walid Nabhan, Palestinjan li jgħix Malta u mrobbi Musulman, jaħsibha mod ieħor għax ma jaqbilx mat-tħanxir tal-annimali għall-ikel. “Meta tara d-demm jinfirex kullimkien, kif kont nara fi tfuliti, naħseb li hi xena disturbanti.”

Walid Nabhan jemmen li t-tradizzjoni tal-halal u t-tixrid tad-demm tista’ qed twassal għall-qtil brutali f’atti ta’ terrorizmu. “B’xi mod qed jikkontribwixxi għat-terroriżmu li speċi qed tara d-demm qisu xejn.”

Walid Nabhan hu tal-fehma li l-Iżlam anke f’din it-tradizjoni għandu jaddatta maż-żminijiet tal-lum.

Television Malta tkellem ma’ biċċier Alġerin li jbigħ laħam halal f’Malta. Qal li anki l-Maltin ifittxu laħam halal. “Ikolli ċanga, ħaruf, it-tiġieġ, il-fniek, ġieli d-dundjan li jfittxuh fi żmien il-Milied u l-aħħar tas-sena,” spjega l-biċċier Hocine Youbi.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għandha 19-il sena u ma’ TVM irrakkuntat it-trawma kbira li għaddiet minnha minħabba dak li sejħet estremiżmu fit-twemmin ta’ komunità Nisranija. Amy Attard tirrakkonta kif minħabba hekk qed jitkissru għadd…

Riċerka

Il-lenti tal-kamera provdiet għodda lill-fotografi matul is-snin, biex bir-ritratti tagħhom iħallu xhieda tal-passaġġ tal-istorja. Il-fotografu professjonali Kevin Casha ġabar riċerka fuq kważi mitejn sena ta’ fotografija f’pubblikazzjoni li fiha ritratti…

Ippjanar u bini

Proġett li jekk ikun approvat mistenni jbiddel il-kunċett tat-trasport u l-presenza tal-vetturi fit-toroq. Studju dwar il-possibbiltà ta’ proġett ta’ Metro jew Monorail mistenni jkun ippublikat dalwaqt bil-Prim Ministru Robert Abela…

Politika

Id-19-il deputat tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li f’kull deċiżjoni li qed jieħdu qed jiżguraw li jpoġġu l-interessi tat-tesserati, tal-Partit kif ukoll tal-pajjiż fuq quddiem. Tkompli l-istennija għal direzzjoni mill-President…

Aktar