Ekonomija u Finanzi
L-IMF ibassar li l-ekonomija Maltija l-iktar li se tikber fiż-żona ewro fl-2022

Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, Malta se jkollha l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro matul din is-sena u l-akbar rata ta’ tkabbir is-sena d-dieħla.

Fit-tbassir tagħhom dwar l-andament ekonomiku globali, l-esperti tal-IMF qed isostnu li l-irkupru se jkun milqut minn inċertezza qawwija minħabba l-pandemija, iżda jiddependi wkoll minn kemm il-gvernijiet tal-pajjiżi se jsostnu lill-ekonomija lokali.

Wara t-tbassir pożittiv tal-andament ekonomiku ta’ Malta mill-esperti tal-Kummissjoni Ewropea ftit tax-xhur ilu, l-esperti tal-IMF qed ibassru li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’4.7%.

Fir-rapport għar-Rebbiegħa li jagħti ħarsa lejn l-andament ekonomiku dinji, l-esperti tal-IMF qed jipproġettaw li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkun 0.3% iktar mill-medja ta’ tkabbir fiż-żona ewro.

Għas-sena d-dieħla, l-esperti tal-IMF qed ibassru li Malta jkollha l-ogħla rata ta’ tkabbir fiż-żona ewro, hekk kif l-ekonomija mistennija tikber b’5.6% mentri l-medja fiż-żona ewro mistennija tkun ta’ 3.8% fiż-żona ewro.

Konxju tal-inċertezza li ġabet magħha l-pandemija u d-daqqa li ħadu pajjiżi bħal Malta li huma dipendenti fuq it-turiżmu, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar li f’Malta l-prodott domestiku gross se jkun 2.8% għola mill-2019.

Skont l-IMF dan huwa l-aħjar riżultat miksub minn fost il-pajjiżi Ewropej dipendenti fuq it-turiżmu.

Qed ikun imbassar ukoll mill-IMF li r-rata tal-qgħad f’Malta din is-sena se tkun ta’ 4.3%, l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, hekk kif il-medja hija ta’ 8.7%

Is-sena d-dieħla l-qgħad f’Malta huwa mbassar li jonqos għal 4.1% mentri fiż-żona ewro hu pproġettat li jonqos għal 8.5%.