Lokali
L-IMF ifaħħar il-miżuri ekonomiċi li daħħal il-Gvern biex jilqa’ għall-pandemija iżda jwissi dwar il-lista l-griża

Il-Fond Monetarju Internazzjonali jistma li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’5.75%; bir-rata ta’ tkabbir is-sena d-dieħla tiżdied għal 6%. F’rapport dwar Malta l-esperti tal-IMF waslu għal dan it-tbassir fost oħrajn għax ir-rata ta’ tilqim kontra l-Covid hi tajba, ir-restrizzjonijiet qed jonqsu u l-attivita’ ekonomika qed terġa’ tirranka.

Waqt li jwissi dwar l-effetti tal-fatt li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża mill-FATF, l-IMF iżda jinnota l-isforzi mill-pajjiż bir-riformi li qed iwettaq biex ma jibqax f’din il-lista. Ir-rapport ifaħħar il-mod kif il-Gvern Malti rreaġixxa għall-pandemija.

Il-bord eżekuttiv qal li r-rapport li sar minn uffiċjali tal-IMF li fis-sajf kellhom laqgħat ma’ uffiċjali tal-gvern u awtoritajiet regolatorji Maltin jagħraf li l-pandemija laqtet ħażin lill-ekonomija Maltija, bi tnaqqis drastiku fit-turiżmu u l-industrija tas-servizzi. Effett ta’ hekk, l-ekonomija ċkienet b’aktar minn 7% is-sena li għaddiet li tirrappreżenta l-agħar riċessjoni f’għadd ta’ snin. Madankollu, intqal li l-politika ekonomika tal-Gvern għenet biex ittaffi l-effetti ħżiena u evitat li ħafna persuni jispiċċaw mingħajr xogħol u li ħafna negozji jfallu.

L-IMF ikkalkula li l-għajnuna tal-Gvern laħqet 13.4% tal-ġid nazzjonali fuq medda ta’ sentejn. Huma stmaw li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’5.75%; u b’6% is-sena d-dieħla. Il-bord esprima l-fehma li għajnuna u appoġġ koordinat għal ċerti oqsma għandu jissokta sakemm iseħħ irkupru komplet u rrakkomandaw li fejn meħtieġ jissuktaw riformi strutturali li jsaħħu l-qafas ekonomiku tal-pajjiż. Irrakkomandaw attenzjoni għas-sostenibilità tal-pensjonijiet u reviżjoni tas-sistema tat-taxxa.

Il-bord eżekuttiv tal-IMF qal li r-riskji għadhom għoljin, kemm minħabba żviluppi internazzjonali li jista’ jkun hemm fil-pandemija, u jekk il-pajjiż idum fil-lista l-griża tal-Financial Action Task Force. Waqt li kkonfermaw li dan l-aħħar sar progress biex il-pajjiż ikun f’pożizzjoni aħjar fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u reati finanzjarji, sejħu għal azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati nuqqasijiet li fadal ħalli Malta ma tibqax fil-lista l-griża.

Id-diretturi fuq il-bord tal-IMF innutaw li s-sistema bankarja f’Malta uriet li hi b’saħħitha imma saħqu fuq l-importanza li titħares l-istabilità finanzjarja. Ħeġġew lill-awtoritajiet biex iżommu għajnejhom fuq il-qagħda finanzjarja tal-banek u l-immaniġġjar tar-riskji.

Mill-informazzjoni li ngħatat lilhom mill-esperti li żaru Malta fil-ġimgħat li għaddew, il-bord tal-IMF laqa’ l-pjani tal-Gvern biex inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u faħħru r-riformi fil-qasam tax-xogħol u l-fatt li Malta hi minn ta’ quddiem fid-dinja diġitali.