Ekonomija u Finanzi
L-IMF tfaħħar il-politika li kabbret l-ekonomija Maltija, twissi dwar nuqqasijiet

Ċertifikat ieħor tajjeb għall-andament tal-ekonomija Maltija, din id-darba mill-missjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali li għamlet żjara f’Malta u ltaqgħet ma’ diversi awtoritajiet tal-gvern u ma’ rappreżentanti tas-settur privat. L-ekonomisti tal-IMF, waqt li faħħru l-politika ekonomika li ssarfet fi tkabbir ekonomiku, f’ristrutturar u f’titjib fil-finanzi tal-gvern, wissew dwar dak li sejħu defiċjenzi li jeħtieġ li jiġu indirizzati, fosthom fil-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.

Ir-rapport annwali dwar Malta maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali, waqt li josserva r-riżultati tajbin li Malta kellha fl-ekonomija, jħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin għal azzjonijiet biex isaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-governanza u jtennu rakkomodazzjonijiet li saru fir-rapport tal-Moneyval u tal-Kummissjoni Venezja għat-tisħiħ tal-ġudikatura.

L-esperti tal-IMF wissew li jekk dan ma jsirx, tikber il-pressjoni biex banek barranin ma jkomplux bit-transazzjonijiet finanzjarji internazzjonali mal-Banek f’Malta. Żiedu jwissu li dan ikollu konsegwenzi għaliex Malta ma tibqax attreanti għall-investiment u jkun ta’ theddida għall-istabbiltà finanzjarja.

Fuq binarju ieħor, l-ekonomisti tal-IMF spjegaw li t-tkabbir ekonomiku li Malta kellha seħħ għax il-pajjiż fetaħ il-bibien għall-ħaddiema barranin iżda dan kellu wkoll l-effetti fuq is-suq tal-proprjetà u l-infrastruttura, fost oħrajn. Ikkummentaw li filwaqt li l-pajjiż irnexxielu inaqqas sew id-dejn, għad għandu sfidi minħabba s-self garantit mill-gvern u n-nefqa dejjem tikber fil-qasam tal-pensjoni u s-saħħa biż-żieda fil-popolazzjoni anzjana.

Wara li analizzaw l-ekonomija Maltija, l-esperti tal-IMF għamlu sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet. Ħeġġew biex fis-settur finanzjarju tingħata prijorità l-implimentazzjoni tar-riformi marbuta mad-direttiva kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu billi jissaħħu l-awtoritajiet regolatorji, kif filfatt qed isir mill-MFSA, li ħabbret l-ingaġġ ta’ esperti Ingliżi biex isaħħaħ is-superviżjoni tal-operaturi fis-settur finanzjarju.

L-esperti rrakkomadaw lill-gvern biex ma jistrieħx fuq id-dħul mill-programm taċ-cittadinanza b’investiment, waqt li għandu jkompli bil-programm ta’ proġett infrastrutturali. Saħqu li dan għandu jsir fl-istess waqt li jiżgura aktar effiċjenza fin-nefqa tiegħu u biex inaqqas il-garanziji fuq is-self tal-entitajiet governattivi. Parir ieħor huwa biex il-gvern jaħseb fl-isfida tal-pensjonijiet minħabba l-popolazzjoni anzjana u biex jaħseb f’sorsi oħra ta’ dħul lil hinn mis-sistema preferenzjali tat-taxxa tal-kumpaniji.

Fil-qasam tax-xogħol, l-esperti tal-IMF ħeġġew għal sforzi akbar biex tiżdied ir-rata ta’ parteċipazzjoni mill-persuni anzjani u min-nisa. Ħeġġew għal iktar innovazzjoni u għat-taħriġ tal-ħaddiema u għal housing affordabbli. Fuq kollox l-esperti saħqu fuq l-importanza tat-titjib fil-governanza biex tiżgura klima li tħajjar l-investiment barrani.

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li mindu bdiet l-investigazzjoni fis-Sezzjoni tat-Traffiku, 34 uffiċjali jinsabu fuq police bail. Minn dawn, 28 huma sospiżi u qegħdin fuq police bail, 6 rtiraw bil-pensjoni u qegħdin…

Lokali

Il-koppja Marvic u Donovan Scerri qed jippjanaw li jmorru Spanja biex jagħmlu l-proċedura tal-IVF f’dan il-pajjiż li jippermetti li jsir test ġenetiku tal-embrijun qabel ikun impjantat fil-ġuf tal-omm biex ikun…

Lokali

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi 20 miżura biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed issejjaħ għal miżuri ta’ kontroll…

Saħħa

L-għaqda Dinija tas-saħħa wissiet li l-virus jista’ jasal fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Is-Supretendent tas-saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li waqt li żidedu l-ammont ta’ swabs li ttieħdu fl-aħħar sigħat ta’ nies…

Aktar