Lokali
L-Imġarr u Ħad-Dingli jingħaqdu f’pellegrinaġġ bil-muturi b’għan filantropiku

Waqt li illum f’seba’ lokalitajiet qed jintlaħaq il-qofol tal-Festa tal-Assunta, żewġt irħula li jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija nhar il-Ħadd li ġej, ingħaqdu flimkien – mhux għad-daqq tal-marċi iżda għall-ħoss tal-muturi b’għan filantropiku.

Fl-għodwa tal-festa ta’ Santa Marija, dehra mhux tas-soltu fuq iz-zuntier tal-Imġarr. Mal-armar tal-festa li se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd, għexieren ta’ muturi kienu skjerati fil-pjazza ewlenija ta’ dan ir-raħal. Wieħed mill-organizzaturi, John Micallef, qal li din kienet l-aktar darba li attendew għaliha parteċipanti.

John Micallef qal “il-konkorrenza qed tikber ħafna. Aħna nkunu kburin meta naraw dawn il-muturi kollha.”

Wara r-radd tas-salib fuq iz-zuntier, il-Kappillan tal-Imġarr Dun George Schembri ingħaqad maċ-ċelebrazzjoni, mhux fuq żewġ roti iżda billi saq il-vann bix-xbieha tal-Assunta li ġie segwit minn kważi 200 mutur.

Dun George Schembri qal “importanti ħafna li mhux biss tħeġġeġ lin-nies imma li tkun magħhom. U la tkun magħhom tieħu pjaċir magħhom u tagħmel l-affarijiet tagħhom biex vera dak li nippriedkaw nagħmluh.”

Id-delizzji tal-festa u tas-sewqan tal-muturi ma kinux l-uniċi raġunijiet li mmottivaw lill-parteċipanti.Magħhom kien hemm l-aspett karitattiv, b’diversi daħlu idejhom fil-but u għażlu li jikkontribwixxu għad-dar il-ġdida li ALS Malta se jibnu f’Ħaż Żebbuġ.

Bjorn Formosa qal “Santa Marija hi festa simbolika li tiġi f’nofs is-sena li ttina fiduċja u spinta biex inkomplu għaddejjin il-kumplament tas-sena b’enerġija u determinazzjoni u bis-sahha tal-Madonna tas-sapport tagħha.”

Il-vjaġġ li ħa madwar siegħa għadda minn toroq ewlenin, fosthom mill-Bypass ta’ Birkirkara, Triq Reġjonali u l-Bypass tal-Imrieħel. Jidderieġu l-muturi kien hemm il-pulizija mit-taqsima tat-Traffiku. Il-pulizija ma naqsux milli jwasslu appell lis-sewwieqa.

Is-Surġent Norman Xuereb qal “aħna li qed nagħtu servizz u li nkunu sejrin fuq xogħol imprekattiv, jisimgħu s-sirena. Bħalissa kulħadd bl-ac, sħanat, ma jisimgħuniex. Kultant ikun ta’ xkiel dak li jkun meta joqogħdilna fin-nofs.”

Il-vjaġġ intemm biswit il-Parroċċa ta’ Ħad Dingli. L-Arċipriet ta’ Ħad Dingli Fr Mark Mallia Pawley qal li din l-attività turi li l-festi taż-żewġ parroċċi imorru lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali.

Fr Mark Mallia Pawley qal “l-iskop ghalfejn isir dan il-pellegrinaġġ u tinġabar donazzjoni żgħir hu biex ngħatu xhieda li il-festi huma ħajjin imma mhux ghax fiha ħafna ċelebrazzjonijiet imma festi ta’ ħajja. Li nagħtu il-ħajja lill-oħrajn.”

Wara għodwa fuq żewġ roti, il-voluntiera taż-żewġ parroċċi jerġgħu fuq xogħolhom biex ixiddu l-aħħar ilbies għall-festa titulari tal-Assunta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar