Stejjer Umani
“L-imħabba lejn il-fqir iżżommni ħaj”

Din il-ġimgħa għalaq 90 sena, u jgħid li hi l-imħabba għall-batut li tagħtih il-kuraġġ li jibqa’ jaħdem mal-emarġinati. Patri Dijonisju Mintoff qal li l-Għid ifisser imħabba, u biex meta tħobb għal Alla, ma tistenna xejn lura u tħossok iktar ferħan u fil-paċi.

Patri Dijonisju Mintoff għadu mimli entużjażmu biex jibqa’ jagħti ħajtu għal dawk li huma emerġinati. B’pass kajman iżda determinat, fil-laboratorju tal-paċi, Patri Dijonisju qed iżomm ‘il fuq minn ħamsin immigrant, fejn jagħtihom kenn, u jara li meta joħorġu minn hemm ikunu fuq saqajhom biex isostnu lill-familji tagħhom.

Bħala patri Franġiskan, Patri Dijonisju mhux jippriedka biss fuq il-ħniena lejn il-fqir, iżda jxammar il-kmiem u jaħdem. “Dejjem ħaj, ix-xogħol iżommni ħaj, għalhekk qas ngħodd is-snin.

Imrobbi b’valuri kbar biex iħenn għall-batut minn ommu u missieru, Patri Dijonisju qalilna li meta wieħed iħobb lil Ġesù, għandu jibqa’ jħobb mingħajr ma jkejjel x’se jieħu lura. “Anki f’mument ta’ rabja, tgħid kelma tweġġa’ lil ħaddieħor, u l-bniedem jibqa’ muġugħ għomru kollu, u jaqbillek tiskot ftit u ma tweġġa’ lil ħadd.”

Patri Dijonisju jgħid li llum li qed niċċelebraw Kristu Rxoxt, aħna fid-dover li nwassluh f’min qed ibati. “Kristu rxoxt nagħtuh lil ħaddieħor, wasal iż-żmien li nagħtu l-frott, b’kelma tajba, ħarsa tajba, kuraġġ lil xi ħadd.”

Il-legat ta’ Patri Dijonisju huma għexieren ta’ snin fil-laboratorju tal-paċi li huwa mużew ħaj tal-ħniena, mdawwar ukoll bl-annimali, bħal mogħoż u anki ngħaġ, għax bħal San Franġisk jemmen li l-annimali jgħallmuh fuq l-imħabba u s-sbuħija t’Alla.