Stejjer Umani
L-imħabba ta’ bejn l-aħwa twassalha biex tagħti kilwa lil ħuha

Jgħidu li bejn l-aħwa d-demm qatt ma jsir semm iżda aktar minn hekk żewġt aħwa Żrieraq li trabbew fl-imħabba tal-familja taw l-akbar appoġġ lil xulxin fil-mument tal-prova. Charles Vella li kellu bżonn urġenti ta’ trapjant tal-kliewi sab f’oħtu Philippa qalb tajba u solidarjetà għaliex tatu waħda miż-żewġ kliewi tagħha.

Charles Vella skopra li għandu problemi fil-kliewi b’kumbinazzjoni meta mar biex jagħti donazzjoni tad-demm u ntalab jagħmel it-testijiet.

Charles Vella qal “il-kliewi rriżulta minn ultrasound li kienu xrinkjaw tant li ma setgħux ilaħħqu mat-toxins li kien qed jipproduċi ġismi u ovvjament fallew għalkollox. Kont diagnosed bħala stage 4 chronic kidney disease.”

Saħħet Charles bdiet tmur għall-agħar, u wara sena u tmien xhur jagħmel id-dijaliżi mid-dar u mill-isptar bdiet it-tfittxija għal trapjant.

Oħtu Philippa, martu, is-sindku taż-Żurrieq Natius Farrugia, u tliet iħbieb oħra offrewlu kilwa. Wara t-testijiet, il-professjonisti sabet li l-kilwa ta’ Philippa kienet tajba u taqbel miegħu.

L-operazzjoni ta’ tmien sigħat biex tittieħed il-kilwa u tiġi trapjantata rnexxiet.

Charles qal “kont inbati bil-bugħawwieġ. Minn sena u disa’ xhur li għamilt id-dialysis ma kienx hemm iktar minn tliet xhur li rqadt kif suppost bil-lejl. Kull kwarta rrid inqum minn ġos-sodda u kif kien ser jersaq il-lejl kienet tkun litteralment ħolma kerha. Tal-miraklu, kif tagħmel it-trapjant jisparixxu mill-ewwel ġurnata dawn l-affarjiet.”

Charles m’għandux kliem biex jirringrazzja lil oħtu Philippa iżda mhux biss.

“L-ambjent li tellgħuna fih il-ġenituri tagħna dejjem kien ambjent ta’ mħabba. Il-perspettiva ta’ mħabba lejn xulxin ma naħsibx li nbidlet però llum il-ġurnata lil oħti naraha bħala dik il-persuna li tagħtni ħajja mill-ġdid” qal Charles.

Minkejja l-biża’ tal-inċertezza li kull operazzjoni ġġib magħha, Philippa tistqarr li t-teħid ta’ kilwa minn tagħha ma affettwatiex.

Philippa qalet “wara li tagħti l-kilwa, ħajtek ser tibqa’ l-istess – mhu ser jinbidel xejn, la fid-dietà la fil-mod kif ngħix, fl-attivitajiet li nagħmel, kollox baqa’ normali, allura meta ħija ġie bil-problema ma kien hemm l-ebda raġuni valida għalfejn għandi nirrifjuta”.

Charles u Philippa jibqgħu obbligati lejn it-tim mediku f’Mater Dei għad-dedikazzjoni li wrew qabel u wara l-operazzjoni.

Philippa qalet “il-ferħ tal-ġest ikun kbir mhux biss għal min jirċivieha iżda anke għal min jagħtiha u nassigurahom li l-proċess, in-nies li jieħdu ħsiebi, in-nursing aides, it-tobba, il-professuri, tant jieħdu ħsiebhom li they make it so easy”.

Charles appella biex aktar nies jinkitbu bħala donaturi tal-organi għax it-trapjanti jagħmlu differenza kbira għal min jeħtieġhom.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Steven Jones ta’ 50 sena mir-Renju Unit tressaq il-Qorti akkużat li fit-23 ta’ Mejju għamel danni fuq il-proprjetà privata f’San Ġiljan waqt li kien fis-sakra. Huwa ammetta l-akkużi u ngħata…

Lokali

7 sigaħt ilu fetħu l-postijiet tal-votazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Matul dan il-ħin kienu diversi li marru jivvutaw fosthom il-President George Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni…

Aktar