Qorti
AĠĠORNAT (2): Il-ġurati jidħlu jiddeliberaw dwar il-qtil ta’ Hugo Chetcuti

Il-ġuri tas-Serb Bojan Cmelik ta’ 38 sena, mixli bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti, kompla jersaq lejn tmiemu hekk kif il-ġurati daħlu jiddeliberaw.

Waqt li l-prosekuzzjoni nsistiet li kienet l-intenzjoni ta’ Cmelik li joqtol lil Checuti, id-difiża argumentat li l-vittma miet kawża ta’ infezzjoni waqt li kien l-Isptar Mater Dei fejn ġie operat wara l-attakk.

Chetcuti, li kellu 52 sena, miet fit-12 ta’ Lulju 2018 wara li sitt ijiem qabel kien qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina barra wieħed mill-istabbilimenti tiegħu f’Paceville. Cmelik għamel żmien jaħdem f’wieħed mill-istabbilimenti tal-imprenditur.

F’dan il-ġuri, li nstema quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Cmelik kellu jiddefendih lill-Avukat Simon Micallef Stafrace waqt li l-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri dehru bħala parte civile f’isem il-familja Chetcuti.