Qorti
AĠĠORNAT: Qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Imħallef Mark Chetcuti għall-kariga ta’ Prim Imħallef

Deskritt bħala mument storiku miż-żewġ naħat tal-Kamra il-vot li ttieħed fil-Parlament fuq mozzjoni konġunta tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li permezz tagħha pproponew lill-Imħallef Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef il-ġdid biex jieħu post il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi li se jirtira fit-8 ta’ April.

Il-mozzjoni ghaddiet b’mod unanimu – mument li ssiġilla diskussjonijiet li kienu ilhom għaddejjin minn wara l-kwinti bejn Gvern u Oppożizzjoni, b’Dr Abela kkonsulta lil Dr Delia, u bil-Kabinett li ta l-approvazzjoni tiegħu aktar kmieni.

Iż-żewġ naħat qablu wkoll fil-prinċipju dwar emenda fil-kostituzzjoni dwar kif għandhom jinħatru ġudikanti ġodda u Prim Imhallef eventwali wara l-Prim Imħallef il-ġdid.

Fil-Parlament intqal li qabel jiġi implimentat dan il-metodu se jitressaq quddiem il-Kummissjoni ta’ Venezja għall-approvazzjoni tagħha.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bil-mod kif tmexxew il-konsultazzjonijet qed jintbagħat messaġġ b’saħħtu.

“Għamilna passi ta’ ġgant mingħajr ħadd ma sforza. Fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, mingħajr ħadd ma sforza iddjalogajna. Iva hemm temi fejn ma nifthemux, imma hemm temi ta’ sustanza bħas-saltna tad-dritt li hemm fuqhom nistgħu nifthemu.”

Anki Dr Delia kien sodisfatt bil-mod kif saru l-affarijiet li juru li hemm bidla fis-sustanza mhux biss fil-forma.

“Qed nilmah diġà opportunitajiet, li dak li raddejna lill-poplu llum għandna possibilità li nibqgħu inrodduh fix-xhur li ġejjin inkomplu fuq il-ħatra tal-Avukat Ġenerali, tal-Kummissarju Ewlieni, u fuq ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.”

Kemm Dr Abela kif ukoll Dr Delia irringrazzjaw lill-Prim Imhallef Joseph Azzopardi għall-mod kif mexxa l-Qrati. U awguraw lill-Prim Imhallef il-ġdid fil-ħidma tiegħu.

Fi stqarrija l-President ta’ Malta George Vella irringrazzja lill-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra, kemm dawk li hemm bħalissa, kif ukoll dawk li kienu fuq il-Kummissjoni ghar-Riforma Kostituzzjonali qabel, għax-xogħol li għamlu u għall-koperazzjoni li wrew matul ix-xhur li fihom saru diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim.

Il-President awgura li fi ħdan il-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali jirrenja dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni, biex titwitta t-triq għaż-żamma ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali.

 

Aħbarijiet Oħra
Sbuħija

Il-parrukkiera u l-barbiera jistgħu jerġgħu jibdew iqaxxru jew jagħtu stil id-daqna tal-irġiel, sakemm l-appuntament ma jdumx aktar minn kwarta. F’aġġornament tal-obbligi u l-linji gwida għall-parrukkiera u l-barbiera, ippubblikati lbieraħ mill-Ministeru…

Immigrazzjoni

L-ambaxxatur Ġermaniż għall-Unjoni Ewropea qal li l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-persuni li qed ifittxu l-ażil, trid tinkludi r-relokazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi kollha tal-UE biex is-sistema taħdem. Michael Clausse qal…

Immigrazzjoni

Mill-1 ta Lulju li ġej ser jidħol fis-seħħ il-ftehim bejn Malta u l-Libja li ġie ffirmat mill-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara ta’ ftit sigħat li għamel fi Tripli l-ġimgħa…

Aktar