Lokali
L-immigrant li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’Ħal Far impitter f’kuppletta f’bażilika f’Għawdex

Lassana Cisse, l-immigrant ta’ 42 sena u missier ta’ tliet itfal li f’April ta’ sentejn ilu nqatel kiesaħ u biered f’Ħal Far f’dak li hu kunsidrat bħala l-ewwel qtil b’mottivi razzjali f’Malta, jinsab rappreżentat f’pittura fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, Din hi waħda minn tmien pitturi ġodda li ser ikun hemm f’din il-Knisja, waħda għal kull Opra ta’ Ħniena. Il-pitturi għandhom l-għan li jkabbru l-għarfien fost in-nies biex ma jdawrux wiċċhom għal min jeħtieġ l-għajnuna u jiffurmaw parti minn sensiela ta’ inizjattivi li din il-parroċċa qed tieħu f’dan ir-rigward.

L-Opri tal-Ħniena huma bħal programm politiku għall-insara mfassal minn Kristu stess elfejn sena ilu. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex qed tistinka mal-parruċċani u lil hinn biex ipoġġu fil-prattika l-Opri tal-Ħniena. Bħala tfakkira għal dan, l-artist Manuel Farrugia tqabbad joħloq sett ta’ tmien pitturi għall-pendenti tal-kuppletti tan-nofs fin-navi tal-Bażilika. Erbgħa minnhom huma lesti u l-erbgħa l-oħra jitlestew is-sena d-dieħla.

L-Arċipriet, il-Kanonku Joseph Curmi, ħeġġeġ lin-nies japprezzaw is-simboloġija tal-pitturi fejn fiċ-ċentru hemm il-protagonist b’dija madwar rasu, mhux għax hu qaddis iżda għax Kristu jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-foqra ta’ żmienna – il-ħabsi, il-mejjet, il-barrani, l-ambjent. F’kull pittura mbagħad hemm żewġ figuri oħra, waħda li tirrappreżenta l-Knisja u l-oħra lis-soċjetà. Mill-pitturi lesti, jekk nieħdu dik bit-tema “Kont barrani u lqajtuni”, il-protagonist hu l-immigrant Lassana Cisse, bis-soċjeta’ hi rappreżentata minn persuna tħares lejn il-mobile.

“Issa x’se tagħmel is-soċjetà? Jew tiskrollja ‘l fuq bħalma nagħmlu bil-mobile jew tiddeċiedi li tagħti kasu. Il-Knisja l-istess. Il-Knisja hi rappreżentata mis-saċerdot ‘il barra mill-bieb. Għaliex? Għax lill-barrani ma nistgħux nagħmluh parti minna billi ngħidulu jidħol ġewwa. L-ewwel irridu noħorġu aħna.”

L-Arċipriet Curmi spjega li l-proġett “Fejn hu ħuk?” ma jiqafx mal-pitturi imma qed ikompli b’għadd ta’ inizjattivi konkreti. Fakkar li ċċaqilqu wara rapport fl-aħbarijiet li f’pajjiżna hawn persuni li jmutu u ħadd ma jidħol għall-funeral tagħhom. Spjega li l-parroċċa qed toffri l-ftit oqbra li għandha għal min m’għandux fejn jindifen u kull xahar qed tiġi ċċelebrata quddiesa għal ħutna li ntesew.

Rigward ir-realta’ tal-barranin fostna sar seminar mifrux fuq ħames ġimgħat bis-sehem ta’ kelliema esperti u saret stedina lill-parruċċani biex jadottaw ħabsi u vittma. Fil-Vanġelu, l-Opri tal-Ħniena huma 7, iżda ħames snin ilu l-Papa Franġisku żied it-tmien waħda li fiha n-nisrani mħeġġeġ jieħu ħsieb l-ambjent.

“Dwar l-ambjent għandna proġett verament sabiħ fejn fuq l-Għolja ta’ Għammar, Ta’ Pinu, se noħolqu Ġnien għall-Familja fejn il-familji se jieħdu sehem fit-tħawwil tas-siġar, fil-manteniment u billi jkunu jistgħu jieħdu t-tfal f’dan il-post. Diġa bdejnieh imma jrid ħafna xogħol.”

Fit-tieni sena, il-proġett se jiffoka fuq l-imġewwaħ u għalhekk l-istedina: “itma lil min hu bil-ġuħ”. Għal dan il-għan fix-xhur li ġejjin il-parruċċani ser ikunu qegħdin isostnu l-kċina Franġiskana li għadha kemm fetħet fil-Belt. L-Arċipriet spjega li barra minn hekk qegħdin jiġu identifikati servizzi fis-soċjeta’ li ħadd mhu jaħseb għalihom, u l-parroċċa se tara kif tinvolvi ruħha fihom.