Lokali
L-immigrant li tħalla muġugħ fuq bankina: il-Pulizija tkellem Malti dwar l-inċident fil-Mellieħa

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ raġel ta’ 32 sena mill-Ghana li allegatament tħalla fuq bankina jokrob bl-uġigħ wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa.

Għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ssejħet fi Triq Selmun wara rapport li kien hemm persuna midruba.

Uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità tal-Mellieħa sabu raġel barrani mixħut għal tulu fl-art.  Huma talbu għall-assistenza ta’ tim mediku, b’ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċertifikat li kellu ġrieħi gravi.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li minn investigazzjonijiet li għamlu, irriżulta li aktar qabel ir-raġel waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dun Franġisk Sciberras fil-Mellieħa stess. Il-Pulizija qalu li qed ikellmu Malti b’rabta mal-każ.

Rapporti lokali qed jirrapportaw li l-Pulizija qed tkellem lil Glenn Farrugia minn J&G Farrugia contractors, li jmexxi s-sit fi Triq Dun Sciberras. Sa issa għadu mhux magħruf jekk kienx Farrugia nnifsu li abbanduna lill-ħaddiem fi Triq Selmun, il-Mellieħa.

F’post fuq facebook persuna li jidher għandha għarfien tajjeb tal-każ allegat li kien l-imgħallem tar-raġel li qallu li se jieħdu l-Isptar u minflok tefgħu fit-triq.

F’filmat li ppubblikat din il-persuna, ir-raġel mill-Ghana jinstema’ jokrob bl-uġigħ u jgħid li ma jridx imut jew imur il-ħabs. Il-Pulizija u t-tim mediku bdew jassigurawh li qegħdin hemm biex jgħinuh u ppruvaw iżommuh kalm.

L-allegat inċident ġie kundannat mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u minn diversi assoċjazzjonijiet.