Barranin
L-immigranti kollha jitniżżlu minn fuq il-vapur Diciotti, Salvini taħt investigazzjoni

Fl-Italja, il-137 immigrant li kienu ilhom fuq il-vapur Diciotti ankrat fil-Port ta’ Katanja għal dawn l-aħħar sitt ijiem, tniżżlu l-art. Tard ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini ħabbar li għadd ta’ isqfijiet aċċettaw li jilqgħu lil dawn l-immigranti. Għoxrin immigrant se jintbagħtu l-Albanija, grupp ieħor l-Irlanda, u l-oħrajn se tieħu ħsiebhom il-Knisja Kattolika Taljana. Salvini jinsab taħt investigazzjoni għar-rwol tiegħu f’dan il-każ li wassal ukoll għal battibekk bejn l-Italja u l-Unjoni Ewropea. Il-Prosekuzzjoni fi Sqallija fetħet inkjesta kontra Salvini fuq dak li possibbilment jista’ jkun arrest illegali, u abbuż ta’ poter.

Waqt rally f’Pinzolo, il-mexxej tal-Lega qal li se jkun diffiċli għall-investigaturi biex iwaqqfu dik li sejjaħ ir-rieda għall-bidla, li qal għandha l-appoġġ ta’ 60 miljun Taljan, waqt li żied li hu lest li jkun arrestat.

Matteo Salvini qal li “jistgħu jpoġġu lil min iridu taħt investigazzjoni. Ejjew għalija, jien lest, se nkun qed nitsennihom.”

Salvini rrifjuta li jħalli lill-immigranti jinżlu minn fuq il-vapur sakemm l-Unjoni Ewropea aċċettat biex tqassam lill-immigranti f’għadd ta’ pajjiżi. Hu qal li ma riedx lill-imigranti jkunu ta’ piż fuq it-Taljani, minkejja li skont regoli Ewropej, huma għandhom ifittxu għall-ażil fil-pajjiż li jaslu fih.