Immigrazzjoni
L-immigranti li applikaw għall-ażil f’Malta naqsu bi kważi 40%

Matul l-2020 in-numru ta’ immigranti li applikaw għall-ażil f’pajjiżna naqas b’39% fuq l-2019.

Dan joħroġ mir-rapport li għadha kemm ħarġet l-European Asyle Support Office (EASO) għall-2020.

Minnu jirriżulta li matul l-imsemmija sena kienu 2,480 l-immigranti li applikaw għall-ażil f’Malta meta fis-sena ta’ qabel kienu applikaw 4,090.

L-applikazzjonijiet kienu jinkludu 10 minuri li ma kellhomx adult magħhom bħal ġenituri jew qraba.

L-ikbar ammont ta’ applikazzjonijiet saru minn persuni mis-Sudan bi 15% tal-applikazzjonijiet kollha. Malta aċċettat 31% tal-applikazzjonijiet.

Kien hemm 605 applikazzjonjiet li ġew rifjutati mill-ewwel, 50 li ngħataw status ta’ refuġjat, 190 li ngħataw status ta’ protezzjoni sussidjarja u 5 li ngħataw status ta’ protezzjoni umanitarja.

In-numru ta’ applikazzjonijiet li għadhom pendenti huwa ta’ 5,140.

Fl-UE b’mod ġenerali daħlu 485,000 applikazzjoni għall-ażil, 32% inqas mill-2019 meta kienu saru 716,000 applikazzjoni.

Dan ifisser l-inqas ammont ta’ talbiet għall-ażil li rċevew il-pajjiżi tal-UE mill-2013.

Il-Ġermanja kellha l-ikbar numru ta’ talbiet, 122,000, segwita minn Franza bi 93,000 u Spanja b’89,000.

Madankollu r-rapport jgħid li meta jitqiesu l-popolazzjonijiet tal-pajjiżi u l-ekonomiji tagħhom l-ikbar pressjoni kienu fuq Ċipru, Greċja u Malta.