Immigrazzjoni
“L-immigrazzjoni saret sfida ta’ saħħa pubblika u għandu jkun hemm sforz akbar mill-UE”

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerija, Péter Szijjártó qal li Malta u l-Ungerija qed jiffurmaw alleanza ġdida fl-Unjoni Ewropea fosthom dwar Brexit u l-immigrazzjoni. Waqt żjara f’Malta, il-Ministru Ungeriż qal li minħabba l-pandemija, l-immigrazzjoni issa saret sfida ta’ saħħa pubblika u għandu jkun hemm sforz akbar mill-Unjoni Ewropea biex l-Afrikani jibqgħu l-Afrika u li l-pajjiżi fil-fruntiera ma jibqgħux jiġu rikattati mill-għaqdiet mhux governattivi.

Minkejja d-differenzi fid-daqs, il-kultura u l-pożizzjoni ġeografika, Malta u l-Ungerija qed jaqblu fuq bosta kwistjonijiet importanti li jinsabu fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Fi tmiem laqgħa bilaterali bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, il-Ministru Ungeriż, Péter Szijjártó qal li Malta u l-Ungerija qed jiffurmaw alleanza ġdida fuq it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, l-għajnuna lill-komunitajiet tal-insara madwar id-dinja, il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u fuq kollox, l-immigrazzjoni.

“We have to cooperate with the African countries in order to keep the African people there, not only because they shouldn’t come here but because if they come here than who is going to redevelop and reconstruct the African countries so it is of mutual interest and in the most important issues we represent the same position and this is very good news from our perspective,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ungerija, Péter Szijjártó.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo qal li waqt li jilqa’ li l-appoġġ tal-Ungerija fil-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward tal-immigrazzjoni u li jeħtieġ sforz akbar biex l-immigranti ma jkollhomx għalfejn jitilqu mill-Afrika, qal li fl-aħħar 15-il sena, il-pajjiżi fl-Unjoni ħadu biss tmienja fil-mija tal-immigranti kollha li waslu Malta.

“Jiena qed nistenna xi proposti ġodda se jagħmlu f’dan il-qasam, se tinbidel din? anzi jien ngħid li s-sitwazzjoni saret iktar diffiċli għax bil-COVID qed jintilfu l-impjiegi fil-pajjiżi tal-UE, qed jintilfu l-impjiegi fil-pajjiżi minn fejn jgħaddu l-immigranti u qed jintilfu l-impjiegi mnejn jitilqu l-immigranti allura żdiedu n-nies u naqsu l-opportunitajiet,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo.

Iż-żewġ Ministri qalu li Malta u l-Ungerija qed jaqblu wkoll li l-Libja għandha tibqa’ magħquda mingħajr ebda possibiltà ta’ forzi militari waqt li l-awtoritajiet jingħataw l-għodod kollha fosthom biex iwaqqfu lit-traffikanti tal-immigranti.

Il-Ministru Bartolo semma kif b’ħidma mal-Gvern Libjan u t-Turkija fl-aħħar xhur, il-gwardja tal-kosta Libjana waqqfet aktar minn tliet elef u ħames mitt immigrant li kienu qed ibaħħru lejn Malta fosthom dgħajsa li kienet ġejja fl-aħħar sigħat.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż faħħar lil Malta għall-isforzi diplomatiċi biex trattab it-tensjoni kbira li qed teskala fil-Lvant tal-Mediterran bejn it-Turkija, il-Greċja, Ċipru u l-Eġittu fuq żona marittima.

Aħbarijiet Oħra

L-MUT fi stqarrija qalet li kull deċiżjoni li ttieħdet min-naħa tal-union saret għas-saħħa u s-sigurta tal-istudenti, l-edukaturi u l-familji. F’reazzjoni għall-aħbar li tressaq protest ġudizzjarju kontra l-MUT u l-UPE fid-dawl…

L-edukaturi daħlu lura f’107 skola statali madwar il-pajjiż biex tingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21, wara li fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati aktar minn 50 miżura u wkoll wara li sar…

Mil-lum, kull min iġedded jew japplika għall-Karta tal-Identità Maltija se tinħariġlu waħda ġdida li hija teknoloġikament avvanzata li tinkludi fiha numru ta’ security features ġodda, immirati biex iħarsu aħjar l-identità…

“Is-suċċess li tkun implimentata strateġija għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta huwa ppruvat mill-fatt li l-Korp diġà beda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Din hija wkoll xhieda ta’ kemm il-proċess għat-trasformazzjoni tal-istrateġija tal-Korp huwa…

Aktar