COVID-19
“L-immunità mit-tilqima hi minn 10 sa 18-il darba iktar minn dik naturali”

Il-virologu Dr Chris Barbara spjega li bit-tilqima huwa kkalkulat li wieħed ikollu immunità ta’ bejn 10 u 18-il darba iktar minn meta jkun ħa l-infezzjoni u żviluppa l-immunità b’mod naturali.

Dr Barbara qal dan meta kien qed jiġi intervistat fuq TVAM dalgħodu, fejn fost oħrajn kien mistoqsi jekk hux minnu li min diġà kellu l-Covid-19 m’għandux bżonn jieħu ż-żewġ dożi tat-tilqima.

Huwa spjega li min ikun ħa l-Covid-19 xorta jrid jitlaqqam, għax l-istudji s’issa wrew li l-immunità naturali ma ddumx ħafna. Dwar kemm iddum eżatt l-immunità tat-tilqima, qal li l-istudji għadhom għaddejjin, u jista’ jkun li t-tilqima jkollha tinbidel maż-żmien bħal ma jinbidel il-virus.

Dwar il-varjanti tal-virus, Dr Barbara qal li dawn jiżviluppaw minn “żbalji” li jagħmel il-virus stess, li kultant jaħdmu favur tiegħu, bħal ma ġara fil-każ tal-varjant tar-Renju Unit li għandu rata ta’ trażmissjoni għolja.

Qal li l-iktar varjanti komuni huma dawk tar-Renju Unit u tal-Brażil. Minħabba li jittieħed iktar malajr, bil-mod il-mod il-varjant qed jieħu post il-virus oriġinali, iżda fisser kif jekk nibqgħu nippruvaw nikkontrollaw l-imxija, dan se jonqos ħafna.

Mistoqsji dwar il-varjanti f’Malta, Dr Barbara qal li qed isir studju ta’ kuljum fejn jiġu analizzati l-każi pożittivi kollha u jaraw kemm minnhom huma varjanti. Dwar l-ammonti, qal li din l-istatistika għadha qed tinġabar.

Dwar ix-xniegħa oriġinali li l-virus ħareġ minn laboratorju, Dr Barbara qal li mill-investigazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, huwa iktar probabbli li l-virus kien f’xi ikel friżat u qabeż l-ispeċi b’mod naturali,  fejn bl-iżball li għamel irnexxielu jibda jinfetta lill-bniedem.

Ara l-intervista sħiħa ma’ Dr Barbara hawn: