Ambjent
L-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq saħħitna – l-agħar fl-Imsida u l-aħjar fl-Għarb

Studju xjentifiku dwar it-tniġġis tal-arja li ġie ppubblikat f’rivisti internazzjonali, jikkalkula l-effetti fit-tul ta’ dan it-tniġġis fuq saħħet il-bniedem. B’mod ġenerali l-istudju juri tnaqqis fl-elementi fini ta’ tniġġis mal-pajjiż iżda b’xejriet pjuttost ta’ tħassib fir-reġjun tal-Imsida, il-Belt, Tas-Sliema u Birkirkara, x’aktarx minħabba t-traffiku u densità akbar fil-popolazzjoni.

Kulħadd konxju li t-tniġġis tal-arja jaffettwa s-saħħa u studju xjentifiku kompla kkonferma dan. Dr Sara Fenech u Dr Noel Aquilina mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenza fl-Università ta’ Malta bl-għajnuna ta’ tagħrif tal-aħħar għaxar snin li ġabru mill-erba’ stazzjonijiet tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għamlu studju indipendenti li ġie ppublikat f’journal internazzjonali tax-xjenza.

Bil-metodolġija tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Dr Fenech qalet ir-rata ta’ mortalità f’Għawdex hija stmata mas-sbatax-il darba inqas mill-Imsida u l-inħawi. “Li sibna huwa li pereżempju fl-Għarb li hu sit rurali fejn hemm l-inqas tniġġis nikkwantifikaw sa 0.7% meta mbagħad inħarsu lejn postijiet oħrajn fejn hemm iktar tniġġis tal-arja bħalma huwa l-Imsida insbu pereżempju 12% li huwa ħafna iktar ogħla minħabba li t-tniġġis tal-arja hu ħafna iktar għoli mqabbel ma’ postijiet rurali kif tistenna”.

Iż-żewġ akkademiċi studjaw l-elementi kollha tat-tniġġis tal-arja miġbura mill-ERA iżda b’enfasi fuq tnejn partikolari li huma rregolati mill-Unjoni Ewropea. Dr Aquilina qal li hawnhekk innutaw titjib sinifikanti u livelli li huma inqas mil-limiti tad-direttivi Ewropej.”Il-partiċelli fini li jgħidulhom PM2.5 naqsu fl-istazzjonijiet kollha li tiġbor id-data l-ERA kif ukoll in-Nitrogen Dioxide qed jonqos ukoll abbażi tad-data li nġabret fl-aħħar disa’ snin”.

Mill-banda l-oħra tul l-istess perjodu fl-istazzjonijiet tal-Imsida u ż-Żejtun, iż-żewġ speċjalisti nnutaw żieda fil-partiċelli raffi fl-arja li jissuspettaw li seħħet riżultat tat-traffiku. Għalkemm dan l-istudju ffoka fuq it-tniġġis fl-arja u l-effetti fuq saħħet il-persuni li jkunu l-aktar esposti għalih fit-tul, Dr Aquilina spjega li t-tniġġis minn dawn l-elementi fid-dar jew ix-xogħol ukoll għandu impatt negattiv.

“Kollha kemm aħna ġeneralment nagħmlu bejn 80 u 90% tal-ħin ġewwa u l-istess pollutants jiġu minn tliet sorsi importanti ħafna li huwa tisjir, tipjip u meta nsaħħnu djar tagħna b’heaters tal-gass jew fireplaces allura dawk fir-realtà qed niġu esporsti għalihom u m’għandhom x’jaqsmu xejn ma barra apparti li xi ftit livell minn barra nafu li jidħol ġewwa “.

L-istudju ta’ Dr Fenech u Dr Aquilina jisħaq fuq l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwi tal-kwalità tal-arja f’ambjenti differenti b’attenzjoni partikolari fuq l-elementi ta’ tniġġis li huma ta’ sfida fil-gżejjer Maltin u li fi kliemhom jistgħu jiġu indirizzati b’tibdil fl-imġiba tagħna fosthom tnaqqis fl-użu tal-vetturi privati.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Politika

Il-gvern fi stqarrija qal li jieħu nota ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta u tal-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qed ineħħi…

Aktar