Settur Marittimu
L-impenn tal-operaturi fl-industrija tat-tonn għall-ħarsien tal-ambjent marittimu

Fl-aħħar snin Malta żviluppat industrija fil-baħar: it-trobbija tat-tonn f’gaġeġ kbar ftit ‘l barra mill-kosta. Industrija li b’mod dirett qed timpjega madwar 300 ħaddiem u aktar minn 1,100 b’mod indirett. Jordan Cutajar hu wieħed minnhom u spjegalna li ċ-ċiklu tax-xogħol fuq il-baħar hu bejn Mejju u Novembru.

“F’Mejju meta noħorġu għalih nagħmlu xahar fuq il-baħar fil-high seas mas-sajjieda biex jaqbduh u nġibuh lura hawn imbagħad indaħluh fil-farm,” qal is-sajjied Jordan Cutajar.

Waqt li jkun fil-gaġeġ, it-tonn jikber b’madwar 40% bl-għalf li jingħata sitt darbiet fil-ġimgħa. Tunnellati ta’ għalf jitqiegħdu f’gaġġa oħra żgħira li x-xibka fiha tinfetaħ minn għaddas u skont wieħed mill-operaturi, Etienne Gatt tnaqqas ħafna ħela u ħmieġ.

“Qed tikkontrolla l-għalf li tkun qed tagħlef lit-tonn, it-tieni nett qed tikkontrolla li m’hemmx għalf żejjed li jmur fil-qiegħ tal-baħar biex jitħammeġ u hekk inkunu qed nikkontrollaw ukoll l-ammont ta’ ħut li qed jittiekel huwa dak li għandu bżonn jiekol it-tonn u m’għandux bżonn jiekol iżjed milli suppost,” qal l-operatur fl-industrija tat-trobbija tat-tonn, Etienne Gatt.

It-tkabbir tat-tonn isir skont permessi ambjentali maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u fl-aħħar tliet snin bil-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent għall-għawwiema, il-gaġeġ qrib il-gżejjer ta’ San Pawl inħarġu aktar ‘l barra u kull gaġġa ġiet mgħammra bil-booms biex jilqgħu l-għalf u ż-żejt fost l-oħrajn.

Ikun hawn ukoll lanċa żgħira li tiġbor il-fdalijiet li jista’ jkun hemm bil-għan li dan ma jispiċċax fl-ibħra tagħna. Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-produtturi tal-akwakultura, Charlon Gouder qal: “Aħna nemmnu fis-sostenibbiltà ta’ din l-industrija jiġifieri li ma jistax ikun hemm tkabbir jekk il-baħar ta’ madwarna ma nieħdux ħsiebu.”

Żied jgħid li l-operaturi msieħba fil-Federazzjoni għadhom kif qablu fuq standards ogħla minn dak stipulat fil-liġi bil-għan li jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta u l-industrija b’mod ġenerali li qed trendi mal-mitejn u ħamsin miljun ewro fis-sena.

“Malta mhux biss hija l-akbar fil-Mediterran u l-akbar fl-Ewropa, imma għandha reputazzjoni fis-swieq internazzjonali ġganti bħal Ġappun,” kompla Dr Gouder.

Hu stmat li 90% tat-tonn li jitkabbar f’Malta jiġi esportat lejn il-Ġappun fejn il-pandemija kellha impatt fuq il-prezz tat-tonn ta’ kwalità bħal dak li jiġi esportat minn Malta, b’rapporti li dan naqas b’terz.

L-impatt tal-COVID fuq l-akwakultura tat-tonn f’Malta sa issa diffiċli li jiġi stmat.

Etienne Gatt qal li f’inqas minn xahrejn oħra l-bejjiegħa Ġappuniżi mistennija jiġu Malta biex jixtru t-tonn iżda l-prezzijiet u l-kwantitajiet għadhom misteru.

“Sa issa l-indikazzjonijiet li għandna huma li l-bejjiegħa tagħna qalulna li qed jippjanaw li jiġu Malta biex jieħduh dan it-tonn pero sakemm jasal sal-aħħar ta’ Settembru għad baqa’ x’nistennew u naraw x’se jiġri,” qal Etienne Gatt.

Minkejja din l-inċertezza, l-operaturi ewlenin f’din l-industrija qed ikomplu jaraw kif joħolqu opportunitajiet kummerċjali oħrajn fosthom biex il-fdalijiet tat-tonn jibdew jiġu pproċessati u jinbiegħu bħala prodotti oħra li jinkludu ż-żejt tal-ħuta.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar