Knisja Maltija
L-importanza tas-sens ta’ komunità fil-qofol tal-festa ta’ Kristu Re

L-Arċisqof Charles Scicluna bbaża l-messaġġ tiegħu għall-festa ta’ Kristu Re fuq l-aħħar enċiklika tal-Papa Franġisku, li fiha jinsisti għal komunità li tilqa’ lil xulxin u taġixxi tassew bħala komunità. Saħaq li l-istat irid jiffaċilita l-għozza ta’ bejnietna u li ħadd ma jitħalla barra.

Minħabba l-pandemija, għal din iċ-ċelebrazzjoni annwali ġiet mistiedna rappreżentanza żgħira minn kull parroċċa.

Iċ-ċelebrazzjoni djoċesana fil-festa liturġika ta’ Kristu Re, li ttemm is-sena liturġika tal-Knisja, saret fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li bl-aħħar enċiklika tiegħu ‘Fratelli Tutti’, il-Papa Franġisku ħass li għandu jagħti profezija fuq il-fratellenza, jiġifieri li aħna lkoll aħwa tal-istess Missier.

Qal li l-Papa jħares lejn id-dellijiet tad-dinja tal-lum u jara fiha nuqqas ta’ tama u qtiegħ il-qalb, firdiet kbar u dik li jsejjaħ il-kultura tal-iskart. L-Arċisqof qal li meta s-soċjetà tinsisti li tirrispetta l-ħajja qed timpenja ruħha li tirrispetta l-ħajja mit-tnissil sal-mewt naturali, imma wkoll li nieħdu ħsieb xulxin.

Monsinjur Scicluna fakkar li kulħadd se jiġi ġġudikat fuq kriterju wieħed – l-imħabba. Qal li l-bniedem isib il-milja tiegħu meta jingħata għall-oħrajn. Żied li l-imħabba titlob minna biex ma nagħmlux ħitan u l-Papa jisfidana biex nilqgħu lil kulħadd.

Għall-Maltin, qal l-Arċisqof, dan il-kliem japplika wkoll għal dawk li fil-baħar Mediterran qed jippruvaw isibu alternattiva oħra għall-ħajjithom u qegħdin fil-periklu. Waqt li saħaq li ma nistgħu qatt nagħlqu qalbna għal dawn il-perusni, Monsinjur Scicluna tenna li hu dritt tal-Maltin li jitolbu għas-solidarjetà ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

L-Arċisqof qal li politika tajba, skont il-Papa Franġisku, hi li l-politiċi jkunu għas-servizz ta’ kulħadd u li ma jfittxux kif ħa jiżguraw biex iġibu l-voti.

Monsinjur Scicluna ħeġġeġ biex nifhmu lil xulxin u l-Papa jwissina fuq atteġjamenti li ma jgħinux id-djalogu bħalma hu l-aggressività fuq il-mezzi soċjali permezz ta’ tgħajjir u kummenti żejda li jweġġgħu.