Qorti
L-imprendituri Joe u Mark Gasan jixhdu fl-inkjesta pubblika fil-qtil Caruana Galizia

L-imprendituri Joe Gasan u ibnu Mark illum xehdu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia b’rabta mal-involviment tagħhom f’GEM Holdings li għandha 33 fil-mija tal-power station ta’ Delimara.

Waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Joe Gasan qal li Yorgen Fenech kien ċaħad li huwa sid il-kumpanija 17 Black mas-shareholders tal-GEM Holdings, u kien qalilhom li se jqabbad avukat ta’ stoffa biex jissielet l-allegazzjonijiet li kienu qed isiru kontrih.

Is-Sur Gasan qal ukoll li l-grupp tiegħu jixtieq jirtira mill-konsorzju tal-Electrogas minħabba dak li kien żvelat dwar Yorgen Fenech u 17 Black. Qal li personalment qatt ma ddiskuta l-proġett mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013 u kien jiltaqa’ miegħu biss b’mod formali waqt laqgħat f’Kastilja wara li kien elett Prim Ministru.

Joe Gasan qal li fl-2008 kien mar l-Enemalta għal-laqgħa ma’ Paul Apap Bologna dwar proġett li iżda qatt ma immaterjalizza. Ikkonferma li xahar qabel l-elezzjoni, fi Frar tal-2013, George Fenech qallu dwar il-proposta tal-Partit Laburista li ried jibni power station ġdida f’Dellimara li taħdem bil-gass. Qal li meta l-Gvern Laburista kkonferma l-proġett, George u ibnu Yorgen Fenech, u Paul Apap Bologna tkellmu miegħu u ma’ ibnu dwar jekk kienux interessati jidħlu għal dan il-proġett.

Mistoqsi dwar Turab Musayev u l-konnessjoni ta’ Fenech fil-proġett tal-Montenegro, Joe Gasan qal li ma kienx konxju dwar l-involviment ta’ Fenech u lanqas kien jaf li l-istess Fenech kien ressaq proposta għall-bini ta’ power station fil-Bangladesh simili għal dik ta’ Malta. Iben Joe, Mark Gasan, qal li ma kienx jaf li l-gvern kien qed jagħti struzzjonijiet lill-Electrogas dwar kif għandhom iwieġbu għal domandi tal-ġurnalisti u li qatt ma ltaqa’ mal-ex ministru Konrad Mizzi qabel l-inawgurazzjoni tal-proġett.