Trasport
L-inċidenti bil-karozzi tal-linja naqsu bin-nofs mill-2016 – MPT

Il-Malta Public Transport qalet li fl-aħħar ħames snin irnexxielha tnaqqas l-inċidentital-karozzi tal-linja bin-nofs. Żiedet li t-tnaqqis fl-inċidenti huwa konsistenti sena wara l-oħra, grazzi għall-istrateġija tal-kumpanija li tidentifika r-riskji u tindirizzahom minnufih

Fl-istess waqt l-MPT ħabbret li kisbet ċertifikazzjoni għas-saħħa u s- sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO). Qalet li din iċ-ċertifikazzjoni tfisser li l-operatur tat-trasport pubbliku jilħaq kriterji internazzjonali stretti u jinvesti fi prattiċi tajbin biex jipproteġi l-impjegati u l-passiġġiera.

Il-kumpanija tat-trasport pubbliku qalet li ċ-ċertifikazzjoni hija parti minn sforz wiesa’ biex ikun hemm aktar attenzjoni għas-sigurtà, fosthom bi programmi ta’ taħriġ għax-xufiera, it-twaqqif ta’ programm ta’ Xufiera Avvanzati u l-Premju għas-Sigurtà li jirrikonoxxu lix-xufiera bl-aħjar kondotta, kif ukoll spezzjonijiet biex ikun żgurat li x-xufiera jkunu qed jaqdu dmirijiethom b’mod professjonali, waqt li l-vetturi kollha jiġu ċċekkjati bi proċedura ta’ manteniment darba f’xahar.