Lokali
L-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jiswew lill-pajjiż mal-€35 miljun fis-sena

L-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, huwa stmat li qed jiswew lill-pajjiż mal-€35 miljun fis-sena. Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-postijiet tax-xogħol Dr Mark Gauci. Huwa qal li l-Awtorità qed iżżid l-infurzar u hemm bixra ta’ tnaqqis fl-inċidenti iżda xorta għad hemm ħafna iżjed xi jsir biex ix-xoghol isir b’inqas periklu.

Bħala medja fl-aħħar 16-il sena (2002 – 2017) korrew 3,600 ħaddiema fis-sena f’inċidenti waqt ix-xogħol. Fuq l-istess perjodu, fuq il-lantijiet tax-xogħol mietu medja ta’ sitt ħaddiema fis-sena, għalkemm fl-aħħar snin ix-xejra tal-fatalitajiet turi tnaqqis fl-imwiet għaliex kiber l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà għal ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, Dr Mark Gauci qal li għalkemm kien hemm tnaqqis fl-inċidenti, fadal ħafna xi jsir.

Dr Gauci qal li f’riċerka li għamlet l-Awtorità ġie stmat li n-nefqa tal-pajjiż fuq ħaddiema li jweġġgħu fuq il-lant tax-xogħol tlaħħaq miljuni ta’ ewro fis-sena f’benefiċċji u kura fl-isptarijiet.

Mark Gauci qal li “meta wieħed jinkludi u jħares lejn l-assenza mix-xogħol, l-assenza ta’ produttività u diversi fatturi oħrajn iċ-ċifra kienet telgħet għal 35 miljun. Wieħed bilfors irid jgħid li dik il-35 miljun hija ċifra pjuttost konservattiva għax li kieku wieħed kellu jinkludi l-ispejjeż kollha assoċjati, il-figura kienet tkun sostanzjalment ikbar.”

Is-sena l-oħra, l-Awtorità f’azzjonijiet ta’ infurzar ħarġet aktar minn ħames mitt penali għal ksur ta’ liġi. L-ammonti tagħhom jilħqu 184,000.

Dr Gauci qal li każijiet aktar gravi jispiċċaw f’ħoġor il-Qorti li tista’ timponi multa sa €11,000 u sa sentejn priġunerija. Il-każi fil-Qorti qed jiżdiedu wkoll.

“Waqt li sentejn, tliet snin ilu kien qed ikollna żewġ seduti fis-sena assenjati għall-OHSA biex tressaq nies li jinstabu li qed jiksru l-liġi; is-sena li għaddiet żdiedu għal 4 – irduppjaw. Din is-sena qed naħsbu li jkollna iktar seduti- bejn ħamsa u sitt seduti fis-sena. Ovvjament dawk mhux biżżejjed għax għad għandek numru kbir ta’ nies li l-OHSA għadha qed tistenna biex tibda l-proċeduri kontrihom fis-sena għax il-kawżi kontrihom għadhom ma bdewx” qal Dr Gauci.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA qal li bħalissa l-Awtorità għandha 14-il spettur li jridu jlaħħqu mal-postijiet kollha tax-xogħol. Huwa qal li b’aktar riżorsi umani, l-Awtorità tista’ tkun żżid effettivia fil-moniteraġġ tal-postijiet tax-xogħol.