Xogħol
L-industrija Maltija tal-farmaċewtika b’domanda qawwija għal speċjalisti

Bl-iżvilupp fl-industrija tal-produzzjoni f’Malta tal-kannabis għal skopijiet mediċinali u ta’ riċerka, żdiedet id-domanda għal pharmaceutical technologists li jagħmlu riċerka dwar din il-mediċina ġdida. Madankollu, l-industrija mhux tkun moqdija mill-ħaddiema mħarrġa professjonalment għal dawn il-karrieri, waqt li l-università qed tistinka biex aktar studenti jagħżlu l-kors tal-pharmaceutical technologists.

Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott qal li l-industrija tal-farmaċewtika teħtieġ mal-mitejn speċjalist fit-teknoloġija farmaċewtika. “Qed nidħlu f’aspetti avvanzati ħafna ta’ riċerka, bħalma hi riċerka fil-kannabis għall-użu mediku, riċerka ta’ stem cells, riċerka ta’ 3D printing, riċerka ta’ kif il-mediċini jitqassmu fid-demm, riċerka dwar il-produzzjoni ta’ mediċini ġodda.”

Il-Professur Serracino Inglott qal li l-industrija farmaċewtika f’Malta għandha fama tajba għax hija regolata. Żied li biex l-industrija tal-kannabis għal skopijiet mediċinali u ta’ riċerka tkun suċċess, jeħtieġ li jkun hemm għadd ikbar ta’ ‘pharmaceutical technologists’ f’Malta.

Ingrid Bonello, li f’Novembru li ġej se tiggradwa bħala pharmacuetical technologist, irriċerkat dwar il-kannabis mediċinali u l-mod kif din tista’ tingħata lill-pazjenti. “Jekk hux syrup, jekk hux f’forma ta’ kapsula, patches, iltqajt ma’ dawn il-ħafna affarijiet li kienu ferm ta’ interess għalija, għax peress li hija mediċina ġdida għalija kien spunt li bih nista’ ‘l quddiem inkompli nistudja fuqu.”

Anke Chris Xerri għadu kif temm dan il-kors, li fi kliemu fetaħlu l-bibien għal bosta opportunitajiet. Fir-riċerka tiegħu, identifika ħdax-il rwol ġdid li jista’ jkollu pharmaceutical technologist fl-isptar. “Biex b’hekk ikunu rwoli tekniċi li jibda jagħmilhom il-pharmaceutical technologist u jagħti l-opportunità biex l-ispiżjara jkollhom iktar ħin biex ikunu mal-pazjenti u joffru servizzi kliniċi tagħhom iktar lill-pazjent u ttejjeb il-kwalità tas-servizz li jirċievi l-pazjenti.”

Lejn tmiem is-sena se jiggradwaw ħmistax-il pharmaceutical technologist, li dawk involuti fl-industrija qalu li mhumiex biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħha.

Fl-2011, l-Università bdiet toffri l-kors tat-Teknoloġija Farmaċewtika li ġie żviluppat skont il-ħtiġijiet tal-industrija farmaċewtika.

Il-kap tad-Dipartiment tal-Farmaċewtika, il-Professur Lilian Azzopardi, qalet li l-istudenti jkollhom diversi opportunitajiet f’laboratorji barra minn Malta. “F’Ottubru li ġej għandna kważi iktar minn disgħin fil-mija tal-istudenti li qegħdin fl-aħħar sena ta’ dan il-kors se ssibhom madwar l-Ewropa kollha. Se jkunu qed jagħmlu r-riċerka tagħhom f’universitajiet fl-Ewropa.”

Nhar il-Ġimgħa, id-Dipartiment tal-Farmaċewtika qed jistieden lil kull min hu interessat jsegwi kors f’dan il-qasam biex iżur open day li se jorganizza.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Mit-Tnejn li ġej l-Università ta’ Malta se jibdew ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni għal tliet elef u ħames mitt student, li aktar minn sittin fil-mija minnhom huma nisa. F’quddiesa ta’ ringrazzjament, l-Isqof…

Statistika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kien hemm 31 studenti tfajliet li ġew riferuti lis-servizz Għożża tul is-sena skolastika li għaddiet. Is-servizz Għożża joffri għajnuna lil tfajliet fl-età tal-iskola obbligatorja…

Lokali

565 persuna kienu rrapportati lill-Pulizija bħala nieqsa mill-bidu tas-sena sa tmiem Settembru. Minn dawn il-persuni 514 instabu waqt li 51 oħra għadhom irrapurtati nieqsa. Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet…

Aktar