Barranin
L-Ingliżi fuq ix-xwiek għal tmiem il-lockdown – illejla jitħabbar x’miżuri se jiġu rtirati

Fir-Renju Unit hemm stennija għall-publikazzjoni tal-istrateġija li se tressaq lill-Ingliżi pass ieħor lejn il-ħajja normali. Dan hekk kif illejla l-Prim Ministru Ingliż mistenni jiżvela l-pjan għar-rilassar tal-miżuri.

Il-BBC qed jirraporta li l-iskejjel kollha se jerġgħu jiftħu fit-tmienja ta’ Marzu waqt li se jitħallew ġemgħat ta’ sitta fil-pubbliku mill-aħħar ta’ Marzu. Hu mifhum li l-pjan se jkun maqsum f’żewġ fażijiet.

Apparti minn hekk residenti fid-djar tal-anzjani se jitħallew ikollhom viżta waħda u saħansitra jistgħu jżommu id xulxin.

Ibieraħ Johnson wiegħed li l-adulti kollha fir-Renju Unit ser jingħataw l-opportunità biex jieħdu t-tilqima kontra l-coronavirus sal-aħħar ta’ Lulju li ġej. S’issa wieħed minn kull tliet persuni adulti fir-Renju Unit diġà ħa t-tilqima.