Enerġija
L-interconnector se jitpoġġa f’gandott taħt l-ilma

Il-kumpanija Enemalta ħabbret li fis-sigħat li ġejjin parti mill-cable tal-interconnector bejn Malta u l-Italja li fuqu saret tiswija se jitpoġġa f’gandott taħt l-ilma.

Minn meta tlestew it-tiswijiet f’nofs Marzu, il-cable kien mgħasses min-nies apposta sakemm issa se jitpoġġa f’dan il-gandott.

Ix-xogħlijiet mistennija jieħdu jumejn. Bħala prekawzjoni sakemm jitlestew ix-xogħlijiet, l-interconnector se jieqaf jaħdem u mistenni jerġa’ jinxtegħel il-Ġimgħa l-1 ta’ Mejju.

Il-cable f’qiegħ il-baħar kien ġarrab ħsarat estensivi minn ankra ta’ tanker jumejn qabel il-Milied u kien tefa’ lill-pajjiż għal sigħat twal. L-Enemalta kienet qalet li t-tiswijiet se jiswew mal-€11-il miljun u se tagħmel tajjeb għalihom l-assikurazzjoni.