Lokali
“L-internet hija arma perikoluża f’idejn it-tfal”

Għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-użu tal-internet u l-aċċess għall-midja soċjali fost it-tfal, minħabba li jekk dan isir vizzju jista’ jwassal għal riperkussjonijiet fuq saħħithom, kemm fiżikament u anke mentalment.

Dan intqal ma’ TVM mill-psikjatra Dr Mark Xuereb, hekk kif ġenituri ta’ tfal u adoloxxenti qed juru tħassib dwar l-użu eċċessiv tat-teknoloġija f’ħajjet uliedhom. Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt saħaq li mhux it-tul ta’ ħin biss għandhom jimmonitorjaw il-ġenituri, iżda wkoll x’tip ta’ kontenut qed jaraw it-tfal meta jużaw l-internet u l-midja soċjali.

Il-ħin eċċessiv li jqattgħu t-tfal jużaw l-internet u l-midja soċjali qed iqajjem tħassib fost ħafna ġenituri u professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Demaris Agius, li hija omm, irrakkuntat ma’ TVM kif qed tara lil binha jinbidel minħabba l-użu tal-internet għal ħiniijet twal tal-ġurnata.

“Bdejt ninduna meta t-tifel kważi qas imur it-toilet ma jaf jekk ma jkollux miegħu mobile…bla paċenzja. Qas jaf jimmaġina, irid bilfors ikollu t-teknoloġija…kif jiġi d-dar narah…qegħdin nieklu…ġenn ħa nitla’ fuq għax irrid immur nilgħab.”

Demaris stqarret ma’ TVM li bejn il-pandemija u l-lockdown waqt il-Covid m’għenitx. Sentiment, li wassal biex il-Caritas qiegħda kontinwament tqajjem kuxjenza fl-iskejjel dwar ir-riperkussjonijiet ta’ dan il-vizzju. Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt saħaq li mhux il-ħin biss għandu jigi kkontrollat iżda wkoll x’qed jaraw it-tfal waqt li jkollhom aċċess għall-internet.

“Tajjeb ukoll li l-ġenitur mhux biss jimmonitorja l-ħin imma jimmonitorja l-kontenut, jiġifieri l-internet hija arma perikoluza f’idejn it-tfal, specjalment l-exposure għall-pornografija. Ma jistax ikollok tfal li għandhom tablet password protected u l-ġenitur ma jafx x’inhu għaddej.”

Il-psikjatra Dr Mark Xuereb spjega ma’ TVM li għandu jkun hemm età partikolari meta t-tfal jingħataw mobile. Dr Xuereb qal li r-riperkussjonijiet ta’ dan il-vizzju jistgħu jkunu varji – minn obeżità sa suwiċidju.

“Ma ninsewx illi l-internet addiction huwa wieħed mit-tliet kriterji ta suwiċidju fl-addoloxxenti u fiż-żgħażagħ. Din tista’ tkun kriżi. Waħda hija ħin eċċessiv fuq l-internet. Number 2 inti tinqata’ mis-soċjetà, u number 3 li ma tiħux ħsieb persuntek. Dawk huma t-tliet fatturi ta’ riskju li jistgħu jwasslu għal suwiċidju.”

Dr Xuereb saħaq li għandu jintlaħaq bilanc f’dan ir-rigward, billi t-tfal ma jdumux aktar min sagħtejn kuljum kif stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) filwaqt li ħeġġeġ lill-ġenituri jħajru lil uliedhom jilagħbu u jagħmlu l-eżerċizzju biex ma jinħakmux mill-vizzju tal-użu eċċessiv tal-internet u l-addizzjoni għall-midja soċjali.