L-intolleranza fl-ikel: il-ħalib fost l-iktar prodotti intollerati

Hekk kif illum qiegħed jiġi imfakkar il-Jum Dinji tal-Ikel il-bieraħ filgħaxija waqt il-programm ‘Popolin’ l-ikel inżamm fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Ġie analizzat is-suġġett tal-intolleranza. Suġġett li qiegħed iżid fil-popolarità fost ħafna.
Ix-xjentist mediku George Grech spjega kif l-intolleranza tista’ tkun mit-twelid u tista’ tiġi żviluppata maż-żmien. L-iktar intolleranzi komuni huma dawk lejn il-proteina tal-ħalib u id-dqiq.

Mistoqsi mill-preżentatur Quinton Scerri, x’inhi d-differenza bejn allerġija u intolleranza, Grech spjega li allerġija hija meta l-ġisem jikkonsma prodott li joħloqlu reazzjoni medika għalhekk il-ġisem jibda jipproduċi antibodies preċisament biex jikkumbatti l-allerġija. Ħafna mid-drabi l-allerġija titlob assistenza medika minnufih. Minn naħa l-oħra l-intolleranza tinduna biha bil-mod il-mod, toħloq element ta’ skumdità u titlob ċertu tibdil fl-ikel li jiġi kkonsmat u fl-istil tal-ħajja tal-persuna.

Mistoqsi x’inhi r-raġuni li jkun hemm tibdil fir-riżultati tat-test tal-intolleranza fuq l-istess persuna, Grech spjega li huwa fundamentali li meta wieħed jagħmel it-test jikkunsidra l-kwalità tat-test, li jkun medikament approvat mill-awtoritajiet ikkonċernati għaliex hekk biss tista’ l-persuna sserraħ rasha li tkun qed tagħmel test ta’ kwalità għolja li jipproduċi riżultati validi u reali.