Barranin
L-Iran imsejjaħ jivvota għal president ġdid

Fl-Iran l-elettorat hu msejjaħ jivvota biex jaħtar president ġdid. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika qed juri li l-konservattiv Ebrahim Raisi li hu l-kap tal-ġudikatura mistenni jiġi elett president. L-avversarju tiegħu hu l-ex gvernatur tal-bank ċentrali, Abdolnaser Hemmati li hu meqjus bħala moderat.

Fost l-Iranjani hemm sens ta’ dwejjaq minħabba l-problemi ekonomiċi li kellhom jiffaċċjaw mindu l-Istati Uniti abbandunaw ftehim nuklejari mal-Iran tliet snin ilu u reġgħu ddaħħlu sanzjonijiet ibsin.

Madwar 59 miljun persuna hi eleġibbli biex tivvota fl-Iran. Fl-aħħar elezzjoni presidenzjali fl-2017 ivvota 73% tal-elettorat iżda l-aħħar stħarriġ wera li din id-darba dan jista’ jinżel għal 42%. Jekk jiġri hekk, dan ikun ifisser li ħareġ jivvota l-anqas persentaġġ ta’ nies mir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979.