Barranin
L-Iran jgħid li dan ir-raġel huwa s-suspettat li wettaq attakk fuq impjant nukleari

L-istazzjon statali tal-Iran xandar l-identità tas-suspettat fl-attakk fuq impjant nukleari  f’Natanz. Kien irrapportat li Reza Karimi ħarab mill-pajjiż ftit qabel l-isplużjoni.

L-Iran jemmen li Iżrael jinsab wara dan l-attakk, u qal li se jkun qed iżid l-attività nukleari. Iżrael ma kkonfermax u lanqas ċaħad ir-responsabbiltà, iżda r-radju pubbliku kkwota sorsi qrib l-intelliġenza jgħidu li kienet operazzjoni ċibernetika ta’ Mossad; waħda mill-aġenziji tal-intelliġenza ta’ Iżrael.

L-attakk seħħ ftit qabel ma l-Iran kellu jibda jieħu sehem f’taħditiet bil-għan li jerġa’ jieħu l-ħajja l-ftehim nukleari tal-2015 bejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġermanja.

Iżrael ma jaqbilx mal-ftehim, u jsostni li dan mhux se jwaqqaf lill-Iran milli jkollu setgħa nukleari. L-Iran jiċħad li għandu l-intenzjoni li jibni armi nukleari.

Wara l-attakk tal-Ħadd l-Iran qal li se jipproduċi uranju arrikit b’60%, meta l-ftehim ma jippermettix perċentwal ogħla minn 3.67%.